Il-Gvern ħareġ appell uffiċjali hekk kif is-sħana jidher li qed tkompli tikber. Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard fakkar lill-pubbliku sabiex jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jibqa’ f’saħħtu u jevita konsegwenzi koroh li tista’ ġġib magħha s-sħana.

Id-Direttorat wissa li huwa importanti li wieħed jixrob frekwentament matul ix-xhur sħan tas-sajf, speċjalment hekk kif it-temperatura tal-lum mistennija tilħaq is-36 gradi celcius. Ġie spjegat li temperaturi daqshekk sħan iwasslu sabiex il-ġisem jitlef ħafna ilma malajr u jirriżulta f’għatx kbir. Jista’ jwassal ukoll għal għajja kkaġunata mis-sħana jew anke attakk tal-qalb. Minkejja li s-sħana taffettwa lil kulħadd, hemm bosta persuni li taffetwahom aktar, fosthom persuni akbar fl-età, trabi, tfal żgħar u persuni li jbatu minn mard kroniku.

X’tista’ tagħmel biex tevita l-effetti tal-heat wave?

  1. Evita li toqgħod fix-xemx, speċjalment bejn il-11am u l-4pm.
  2. Oqgħod fl-aktar parti tad-dar jew post fejn taħdem li hija friska.
  3. Għalaq il-purtieri tal-kmamar li huma faċċata tax-xemx.
  4. Ixrob ilma frisk b’mod regolari u kul ikel frisk bħal salads.
  5. Evita li tixrob alkoħol, kafe, te, u xorb ħelu li fih il-kaffeina.
  6. Ilbes ħwejjeġ ħfief u li ma jkunux inkaxxati miegħek.
  7. Tħalli lil ħadd maqful f’karozza pparkjata, b’mod speċjali tfal u annimali.
  8. Evita li tgħamel attivitajiet li jirrikjedu ħafna enerġija fl-aktar ħinijiet sħan tal-ġurnata u jekk tista’ għażel li tagħmel kemm jista’ jkun attivitajiet ġewwa.
  9. Imxi fid-dell, uża s-sunscreen u ilbes beritta jekk hemm bżonn li toħroġ fis-sħana.
  10. Jekk taħseb li ġejt affettwat b’mod negattiv tkellem ma’ tabib.

Il-pubbliku qed jintalab ukoll sabiex jiċċekkja b’mod regolari li persuni avvanzati aktar fl-età u li jgħixu waħedhom ikunu f’saħħithom hekk kif dawn ikunu f’riskju akbar f’dan iż-żmien.

“Jekk tidħol f’karozza pparkjata fix-xemx tista’ anke tmut”

Karozza li titħalla pparkjata ftit minuti fix-xemx issir taħraq daqs forn, liema sħana, skont Malta Islands Weather tista’ anke twassal għall-mewt ta’ persuna.

F’appell fuq Facebook, il-bassara indipendenti tat-temp talbu lill-pubbliku sabiex ma jħallix tfal, anzjani, annimali jew xi persuni oħrajn fil-karozza fis-sħana, lanqas jekk biss għal ftit minuti.

Il-paġna spjegat li kull tip ta’ karozza, f’ġurnata tipika sajfija b’temperatura ta’ madwar 32 grad celcius, it-temperatura fil-karozza tiżdied b’10 gradi celcius fl-ewwel 10 minuti. F’temp ta’ siegħa, il-karozza tkun bejn 22 u 25 gradi celcius aktar sħuna minn barra. Aktar kemm tkun sħuna l-arja ta’ barra, aktar tisħon il-karozza.

Ġie spjegat li ftit tal-minuti f’karozza pparkjata jistgħu jikkawżaw problemi fis-sistemi tan-nervituri u kardjovaskjulari. Jistgħu jħallu persuna f’koma jew severament deidrat u f’riskju li jagħmel ħsara permanenti lill-ġisem jew saħansitra jikkawża mewt.