L-Avukat Ġenerali se jara l-funzjonijiet tiegħu jinbiddlu.

L-Avukat tal-Istat se jibda jopera sal-aħħar tas-sena u jintgħażel wara sejħa pubblika. L-Avukat Ġenerali se jieħu f’idejh ir-rwol ta’ prosekutur ewlieni. Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi llum nieda d-diskussjoni fi stadju tat-Tieni qari fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi li se tifred ir-rwoli tal-Avukati Ġenerali bil-ħolqien tal-Avukat tal-Istat.

Bonniċi qal li l-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali bħala prosekutur pubbliku ewlieni u bħala konsulent legali ewlieni tal-Gvern jiġu separati u mwettqa minn uffiċjali u minn istituzzjonijiet separati u indipendenti minn xulxin. Hu spjega li l-Avukat tal-Istat se jkun il-konsulent ewlieni tal-Gvern f’materja ta’ liġi u ta’ opinjoni legali u se jkun obbligat li jaġixxi fl-interess pubbliku u li jissalvagwardja l-legalità tal-aġir tal-Istat.

Il-Ministru stqarr li l-ħatra tal-Avukat tal-Istat se ssir wara li l-Prim Ministru jagħti konsiderazzjoni xierqa lir-rakkommandazzjonijiet ta’ Kummissjoni tal-Ħatra li għandha tasal għall-opinjoni tagħha wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet.

Huwa qal li l-istess proċedura se tiġi segwita meta eventwalment ikun hemm vakanza fil-futur fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali.

Min-naħa tiegħu l-Avukat Ġenerali se jingħata poteri ġodda biex:

  • jinsisti li l-Pulizija tinvestiga ċerti każijiet,
  • biex jitlob informazzjoni lill-Pulizija dwar l-istat ta’ investigazzjonijiet, u
  • toħrog akkużi.

L-Avukat Ġenerali se jkun prosekutur fil-qrati kollha dwar kull reat wara perjodu tranżitorju.

“Il-Gvern għadda romblu minn fuq l-Oppożizzjoni” – Mifsud Bonnici

Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonniċi kkritika lill-Gvern li għadda qisu romblu minn fuq l-Oppożizzjoni meta ħareġ b’dan l-abbozz mingħajr diskussjoni.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-metodu tal-ħatra tal-Avukat tal-Istat hekk kif dejjem sostniet li l-Avukat tal-Istat għandu jintagħżel b’żewġ terzi tal-kamra. Hu qal li fil-bidliet li qed jipproponi fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif proposti mill-Kummissjoni Venezja, il-Gvern qed jonqos milli jdaħħal il-kunċett tal-kunsens nazzjonali propju għaliex ma ddiskutiex mal-Oppożizzjoni waqt li njora wkoll il-kunċett taż-żewġ terzi.

Stqarr li l-gvern ma jistax imur il-Parlament u jinjora l-proposti tal-Oppożizzjoni meta l-Oppożizzjoni ilha ħafna titkellem dwar il-kunċett tal-qbil biż-żewġ terzi f’dawn ir-riformi.

Huwa qal li l-aktar rwol importanti tal-Avukat tal-Istat se jkun it-tfassil tal-abbozzi tal-liġijiet. Mifsud Bonniċi qal li din hi ċ-ċavetta tas-suċċess tal-Istat Malti biex il-liġijiet isiru sewwa.

AQRA UKOLL:

Ippubblikat l-abbozz ta’ liġi dwar is-separazzjoni bejn l-AĠ u l-Avukat tal-Istat

‘L-Avukat tal-Istat kif propost huwa agħar minn bżar fl-għajnejn’ – PD

L-irwoli tal-AĠ se jinqasmu; Il-PN irid iżjed riformi