Rafael Nadal huwa uffiċjalment l-iktar plejer dominanti f’wieħed mill-avvenimenti tal-Grand Slam, il-French Open, wara li rebaħ lil Dominic Thiem biex kiser wieħed mill-aktar records li ilhom ma jinkisru fit-tennis.

Din hija t-12-il darba li Nadal refa’ The Musketeers’ Trophy. Meta jirtira, dan it-trofew jidher li se jkun qed jissemma għalih. B’dan is-suċċes li kiseb, ifisser li għadda lil Margaret Court li kienet ilha żżom dan ir-rekord għal 46 sena bi 11-il rebħa tal-Australian Open.

Nadal huwa biss żewġ slams ‘il bogħod milli jilħaq wieħed mill-aqwa avversarji tiegħu, Roger Federer. Federer għandu 20 titlu maġġuri u Nadal s’issa għandu 18-il titlu.