Il-karriera ta’ Raffaella Carrà reġgħet qed tieħu spinta ‘l quddiem, u dan meta din l-artista qed toqrob biex fit-18 ta’ Ġunju tiċċelebra s-76 sena tagħha.

Fl-Italja kisbet suċċess kbir din is-sena meta għamlet ir-ritorn tagħha fuq it-televiżjoni permezz tal-programm A Raccontare Comincia Tu fuq Rai Tre, u wara kienet il-mistiedna speċjali tal-programm Amici ta’ Maria De Filippi fuq Canale 5.

Is-suċċessi ta’ Carrà tul is-snin ħadha f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, iżda bla dubju li pajjiż li hi għadha tgawdi suċċessi kbar huwa Spanja fejn għal bosta snin kienet tgħix u kienet ukoll tippreżenta bosta programmi televiżivi.

Carrà hija ikona f’dan il-pajjiż u issa jidher li hemm il-ħsieb li fi Spanja jinħadem film għaċ-ċinema, li se jkun musical, anżi film kollu kemm hu bil-kanzunetti tagħha.

Tornasol Films u l-istazzjon RTVE bħalissa qegħdin jiddiskutu dan il-proġett li huma qed jittamaw jilħqu ftehim biex ikun jsita’ jinħadem f’qasir żmien possibbli.

Huma jemmnu li l-kanzunetti ta’ Raffaella Carrà għandhom l-ingredjenti kollha biex jagħmlu dan il-film suċċess li bih ikunu jistgħu jagħmlu distribuzzjoni internazzjonali fiċ-ċinemas.

Tant qed jieħdu bis-serjetà dan il-proġett li l-idea tiegħu ġiet ukoll preżentata mill-produttriċi Mariela Besuievsku waqt il-festival tal-films f’Cannes.

Huma saħqu fuq il-fatt li dan mhux se jkun film biografiku dwar Raffaella Carrà iżda storja fittizzja ambjentata fis-Snin 70 dwar tfajla Taljana li titlaq lejn Spanja fi żmien meta fl-istazzjon tal-Istat ta’ Spanja kien għad hemm iċ-ċensura.

It-tfajla, li tkun kantanta, tidħol f’relazzjoni ma’ ġuvni li jkun jiġi qrib miċ-ċensur tal-istazzjon tal-Istat.