Illejla l-Arċisqof Charles Scicluna se jospita ikla ta’ madwar 100 żagħżugħ u żagħżugħa u adulti Maltin, immigranti u refuġjati, kif ukoll rappreżentanti tal-komunitajiet Afrikani f’Malta, bil-għan li jippromwovi “soċjetà li tħaddan id-diversità”.

Din it-tema kienet diskussa mill-Isqfijiet fl-ittra pastorali tal-ġimgħa li għaddiet, li fiha qalu li l-Insara Maltin, bħala komunità ta’ fidi, għandhom jifhmu li qed jgħixu f’soċjetà li barra li tapprezza l-għeruq qodma tagħha, qed tħaddan ukoll diversi lingwi, razez, u reliġjonijiet.

Filmat: “Opportunità tad-deheb biex nagħtu xhieda ta’ mħabba” – l-Isqfijiet Maltin

Dan qalu Kevin Papagiorcopulo, il-Kap tal-Midja fil-Kurja tal-Arċisqof, u spjega li l-ikla msejħa A Good Neighbourhood Dinner se ssir llejla fil-bitħa tal-Kurja fil-Furjana.

Fost dawk li se jattendu se jkun hemm żgħażagħ Maltin, kemm li huma impenjati fil-Knisja u anke dawk li mhumiex, fejn se jkollhom ċans jitħalltu ma’ nies tamparhom u anke ikbar li waslu Malta bħala immigranti jew refuġjati.

Waqt l-ikla, l-Arċisqof se jgħaddi l-messaġġ tiegħu lil dawk preżenti.