Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli xerred filmat tal-Membru Parlamentari Marlene Farrugia fuq Facebook, li fih din tidher taqbeż fil-Każin Banda San Filep fil-festa ta’ Ħaż-Żebbuġ nhar il-Ħadd li għadda. Fl-isfond jinstema’ tgħajjir kontra l-Partit Nazzjonalista. Farrugia wieġbet għall-akkużi ta’ Puli u qalet li hi ma temminx f’nies li jaraw kif jistgħu jisolħu lill-pajjiż u lill-Partit Nazzjonalista bħalu.

Puli qal li lill-Partit Demokratiku l-Partit Nazzjonalista tah il-palk, il-midja u żewġ siġġijiet parlamentari, iżda “l-wiċċ tost,” b’referenza għal Marlene Farrugia, riedet issir il-Kap tal-PN. Qal li bħalissa jinsabu impenjati jtejbu l-pożizzjoni tal-PN “b’din il-mażżra ma’ saqajna.”

Attenti minn min għamel għomru jisloħ il-pajjiż – Farrugia

Min-naħa tagħha, Marlene Farrugia, qalet li l-Partit Demokratiku jirrikonoxxi l-qagħda mwiegħra li qiegħed fiha l-PN, iżda baqa’ barra minnha. Qalet madankollu, li min ivvota lill-kandidati tal-PD f’isem il-Forza Nazzjonali, koalizzjoni bejn il-PN u l-PD, fuq il-karta tal-PN kien qed jivvota għal “ideoloġija, sentiment, imġiba politika partikolari.” Qalet li fl-2017 ħarġu mal-PN immexxi minn Simon Busuttil biex ikunu mal-fazzjoni li dak iż-żmien emmnu li setgħet tagħti governanza tajba. Insistiet li l-PD m’għandu x’jaqsam xejn mal-“fazzjoni tal-PN li tixbah u tikkollabora mal-parti tal-PL illi l-interess tagħha mhuwiex l-interess tan-nies u tal-pajjiż, imma l-interess ta’ buthom u tal-ftit ta’ madwarhom.”

B’referenza għal Clyde Puli, hija appellat lin-nies biex joqogħdu attenti minn min “għamel għomru u żmienu ‘jisloħ’ lill-pajjiż b’pożizzjonijiet li llum jgħajru bihom lil tan-naħa l-oħra, imma għamlu bħalhom, u qed ngħid għal Puli.” Qalet li “min qiegħed fil-politika biex ‘jisloħ’  u mhux biex iservi ma jkunx irid nies onesti,” u għalhekk nies bħalha jdejqu lil Puli. Insistiet li huma ppruvaw joqogħdu lura, imma “daħħluna fil-Kredu.” Temmet tgħid li Puli u oħrajn li hemm miegħu “fallewh lill-Partit Nazzjonalista, kif aħna nistgħu nafdawhom imexxu pajjiż meta fallew partit?”

“Irrabjati li użaw l-okkażjoni għall-iskop tagħhom” – Każin Banda San Filep

Intant, l-Għaqda Każin Banda San Filep qal li huwa beda investigazzjoni interna, filwaqt li qed jikkundanna l-aġir u l-kliem li ntqal. Qal li huwa jinsab irrabjat għal min inqeda b’din l-okkażjoni għall-iskop tiegħu.