Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ma jiddeskrivix lilu nnifsu bħala persuna ewlenija fl-istrateġija tal-partit. Qal li xogħlu huwa dak ta’ kap.

Delia qal dan mal-ġurnalisti quddiem id-Dar Ċentrali li nġabru biex jieħdu l-kummenti tiegħu b’rabta mal-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-PN.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar vot ta’ fiduċja, Delia qal li vot bħal dan ma jsolvi xejn. Qal li dawk li jappoġġjawh se jibqgħu jappoġġjawh filwaqt li dawk li vot ta’ fiduċja mhux se jikkonvinċi lil min ma jappoġġjaħx.

Delia qal ukoll li l-għan tiegħu huwa li jiltaqa’ mal-eluf ta’ tesserati tal-PN biex jara jekk humiex fuq l-istess paġna. Qal ukoll li lest jisma’ s-suġġerimenti u anke l-ilmenti tagħhom. Qal ukoll li l-PN mhux biss magħmul mit-tesserati.

Dwar ir-rapport tal-MŻPN, Delia qal li l-bieb tiegħu jinsab dejjem miftuħ għal laqgħat. Qal ukoll li se jkun qed jiltaqa’ mal-President tal-MŻPN aktar tard din il-ġimgħa minflok illum minħabba l-laqgħa tal-grupp parlamentari tal-PN.

F’rapport dwar l-istat tal-Partit Nazzjonalista (PN), il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) qal li qisu hemm nies fit-tmexxija li jridu jgħinu lilhom infushom u mhux lill-partit.

Aktar kmieni: Jerġa’ jiltaqa’ l-grupp parlamentari

Illum il-Membri Parlamentari Nazzjonalista ltaqgħu mill-ġdid fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jkompli dik li lbieraħ ġiet deskritta bħala laqgħa pjuttost “taħraq f’ħinijiet twal” kif ukoll bħala “inkonklussiva”. Illum mistenni jiġi diskuss Dr Adrian Delia bħala Kap Nazzjonalista.

Il-laqgħa tal-bieraħ kellha tintemm wara sagħtejn, minħabba li l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti riedu jattendu għall-ġurament tal-ħatra ta’ Kevin Cutajar. Meta ssemma li l-laqgħa se tkun aġġornata, il-Kap tal-PN, Adrian Delia qal li l-laqgħa se tkompli llum u jekk ikun hemm bżonn jibqgħu għaddejjin anke sa nofsillejl.

AQRA: Kevin Cutajar jieħu l-ġurament bħala MP

X’ġie diskuss ilbieraħ?

Kien hemm tliet argumenti prinċipali waqt il-laqgħa: il-liġi dwar l-Avukat tal-Istat; l-akkuża li l-PN ħadem biex David Casa ma jitlax u l-allegazzjoni li nies mid-Dar Ċentrali ħolqu fake profiles fuq Facebook biex jattakkaw deputati u nies oħra li mhux meqjusa qrib il-Kap tal-PN.

Filmati: Monique Agius