Facebook

Il-prosekuturi fil-każ kontra Jelle Rijpma, ir-raġel akkużat li qatel lil Shannon Mak is-sena l-oħra, qed jittamaw li x-xagħar bjond li nstab id-doċċa tal-flett mikri mill-akkużat, jista’ jkun biżżejjed biex jindika li l-vittma kienet fid-dar tal-eks għarus tagħha.

Dan ħareġ nhar it-Tlieta fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Jelle Rijpma, l-impjegat Olandiż ta’ 23 sena li allegatament ta’ daqqiet ta’ sikkina lill-kollega tiegħu u l-eks ħabiba tiegħu barra d-dar tiegħu f’Santa Venera fis-sigħat bikrin tat-3 ta’ Awissu 2018.

Tul is-seduta, Rijpma għal darb’oħra ma weriex emozzjoni u injora l-preżenza ta’ diversi membri tal-familja tal-vittma, inkluż ommha. Żewġ uffiċjali tal-kriminalità ppreżentaw lill-qorti rapport li huma ġabru wara li analizzaw ix-xena tad-delitt u l-garaxx imdawwar fi flett li kien mikri lil Rijpma fi Triq l-Istampaturi f’Santa Venera.

Huma spjegaw lill-maġistrat kif sabu x-xagħar identiku ma’ tat-tfajla fuq il-manku tad-doċċa, flimkien ma’ traċċi ta’ demm u 17-il ċikka tas-sigaretti. L-oġġetti kollha ngħataw għall-ittestjar forensiku wara li ttiħdulhom ir-ritratti.  Aktar tard fis-seduta, wieħed mill-erba’ uffiċjali tal-pulizija li kienu arrestaw lil Rijpma spjega kif sab lill-akkużat fuq is-sufan jara t-televizin. L-uffiċjal qal li l-akkużat deher rilassat.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza mistennija tkompli x-xahar id-dieħel.