Il-ħidma missjunarja ġġorr magħha s-salib

“Waħda mill-akbar tendenzi eżistenzjali fid-dinja tal-lum hi li rridu ‘nilluppjaw’ kollox. Ħafna nsara fl-Afrika joħolmu f’ħajja paċifika, mingħajr tbatija u sagrifiċċji. Fil-prattika aħna noħolmu b’kristjanita li ma tħossx uġieħ” spjega Fr. Donald Zagore, teoloġu mill-Kosta tal-Avorju, membru tas-soċjet’ tal-Missjonijiet Afrikani.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES irrappurtat li dan it-teologu jgħid li “Aħna noħolmu b’ħajja umana bla tbatija, bla uġiegħ u bla sofferenza. Dan il-mod eżistenzjali, meħlus minn kull ansjetà u penitenza, insibuh ukoll fir-realtà tal-esperjenza reliġjuża. U b’danakollu meta wieħed jgħix kristjanità llupjata din twassal lill-individwu biex isir priġunier ta’ realtà illużorja.

Illużjoni spiritwali

Din hi illużjoni spiritwali. Il-Knisja fl-Afrika trid turi  li m’hemmx kristjanità vera mingħajr is-saħħa u l-poter tas-Salib, din hi t-triq tal-fidwa”.

Il-missjunarju żied jgħid li “Kull attività missjunarja ta’ Kristu, kif hu enfasizzat fl-Evanġelju, li minnu toħroġ l-attività missjunarja tal-Knisja, fiha s-salib. Fit-tbatija, fl-uġiegħ, fil-biki, fid-diżappunti, fin-nuqqas ta’ ftehim jew fil-kontradizzjonijiet, tidher is-saħħa tal-Evanġelju ta’ Kristu.

M’hemmx attivita missjunarja bla salib

“Din hi r-realtà eżistenzjali tal-fidi u l-attività missjunarja li ebda nisrani, li hu missjunarju bil-magħmudija, ma jista’ jaħrab. La ma hemmx attività missjunarja mingħajr salib, ma hemm ebda missjoni nisranija mingħajr salib”.

Fr Zagore temm jgħid li: “Il-Kristjanità illuppjata li tinbiegħ fit-toroq fl-Afrika u partijiet oħra tad-dinja u tiġbed lejha il-masses, m’hix ġejja minn Ġesù Kristu, imma minn inizjattiva umana, mibnija fuq dinamika essenzjalment ekonomika li trid tku “suq ta’ prodotti” li jilħqu d-domanda tal-konsumatur. Għal din ir-raġuni il-Kristjanità llupjata ma’ tista’ qatt twassal għal fidi awtentika u profetika u għal attività missjunarja”.