Qassis Kattoliku jinsab f’kundizzjoni stabbli wara li qala’ daqqiet ta’ sikkina meta kien fi triqtu biex iqaddes quddiesa lbieraħ fi Wrocław fil-Polonja.

Kelliem għall-Isptar Kliniku tal-Università fil-belt Pollakka qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet PAP li l-qassis, Fr Ireneusz Bakalarczyk, qed jirkupra mill-ġrieħi interni li sofra minnhom fl-istonku u f’żaqqu.

Fr Bakalarczyk kien sejjer iqaddes quddiesa meta avviċinah raġel ta’ 57 sena li m’għandux fejn joqgħod, li allegatament beda jkellmu dwar l-iskandli tal-abbuż sesswali fil-Knisja Kattolika qabel ma ħareġ sikkina u niffidha fl-istonku u f’żaqq il-qassis.

Kelliem għall-Pulizija qal lil PAP li l-aggressur inqabad mix-xhieda u nżamm minnhom sakemm waslu l-pulizija. Huwa għandu jitressaq il-qorti llum.