Ħelikopter baqa’ dieħel ġo binja għolja fi New York fl-Istati Uniti nhar it-Tnejn, u l-bdot tilef ħajtu. Dan l-inċident fakkar lill-Amerikani fit-trawma tat-Twin Towers fil-11 ta’ Settembru tal-2001.

Il-ħelikopter ikkraxxja ġol-iskyscraper ta’ 54 sular f’Manhattan li hu magħruf bħala AXA Equitable Centre. L-ajru kien griż u mċajpar. Il-ħaddiema fl-uffiċini kellhom jevakwaw it-torri li jinsab ftit ‘il bogħod minn Times Square.

Il-bdot kien l-uniku wieħed abbord meta l-ħelikopter baqa’ dieħel ġol-binja u ħa n-nar, skont ma qal is-Sindku ta’ New York City, Bill de Blasio. Ħadd iżjed ma weġġa’ fl-inċident, la n-nies li kienu ġol-binja u lanqas dawk fit-triq. Is-Sindku żied jgħid li xejn ma jindika li dan kien att ta’ terroriżmu.