Erba’ iġsma ttellgħu mix-Xmara Danube fl-Ungerija llum, meta timijiet ta’ salvataġġ irnexxielhom itellgħu l-fdalijiet tad-dgħajsa li għerqet ġimagħtejn ilu bi grupp turisti mill-Korea t’Isfel abbord.

Id-dgħajsa għerqet fid-29 ta’ Mejju f’sekondi wara li ntlaqtet minn cruiseliner kbir minn wara taħt pont fil-belt kapitali Ungeriża meta kienet nieżla xita bil-qliel. 26 turist u żewġ ħaddiema Ungeriżi tilfu ħajjithom f’dan id-diżastru.

Aqra: Orban jitlob investigazzjoni fl-inċident fatali b’dgħajsa fl-Ungerija

Wieħed mill-katavri ntlemaħ meta l-kabina tal-kaptan telgħet f’wiċċ ix-xmara. Kelliem għall-forzi speċjali Ungeriżi qal li għadhom iridu jiċċekkjaw fi mkejjen oħra fejn jaf hemm iżjed vittmi. Issa fadal biss li jinstabu l-katavri ta’ erbgħa mill-vittmi.

Il-Kaptan tal-cruiseliner, Viking Sigyn, Ukren ta’ 64 sena, qed jinżamm bħala s-suspettat. L-avukati tiegħu qalu li hu m’għamel xejn ħażin.