Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li l-ebda membru tal-Kummissjoni Venezja m’għandu għalfejn jikkritika il-qasam tal-ġustizzja f’Malta għax l-ebda pajjiż li ġejjin minnu m’għandu sistema ġudizzarja aħjar minn ta’ Malta. Bil-kuntrarju, fi kliem Herrera, li kieku Malta kellha tadotta ċertu sistemi li jinsabu f’dawn il-pajjiżi kien jinqala’ pandimonju sħiħ.

Herrera kien qed jitkellem waqt it-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li jdaħħal fis-seħħ l-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Waqt li semma l-membri b’isimhom wieħed wieħed, Herrera semma u spjega d-diversi sistema ġudizzjarji li huma mħaddna  mill-pajjiżi li ġejjin minnhom il-membri tal-Kummissjoni Venezja. Huwa qal li l-ebda pajjiż m’għandu sistema aħjar minn tagħna iżda minkejja dan il-Gvern ħass il-bżonn li jtejjeb is-sistema preżenti.

“Nistieden lill-Kummissjoni Venezja tinvestiga l-pajjiżi tal-membri li ġew jitkażaw bina,” qal Herrera.

Stqarr li filwaqt li kull pajjiż għandu r-reġim tiegħu, ir-Renju Unit għandu sistema li f’Malta titqies anti-kostituzzjonali, fejn avukat jista’ jibqa’ jaħdem ta’ avukat anki meta jsir imħallef. Fir-Renju Unit, l-Avukat Ġenerali jagħżlu l-Prim Ministru. Ir-rappreżentant tal-Olanda fuq il-Kummissjoni huwa konsulent tal-Gvern u imħallef. Hu qal li f’Ċipru għandhom l-istess sistema ta’ Malta fejn l-Avukat Ġenerali jagħmel xogħol ta’ Prosekutur u jagħti l-pariri. Waqt li l-Iżlanda għandhom is-sistem antika Taljana fejn l-avukat ġenerali huwa ħaġa waħda mal-bank tal-ġudikatura.

Min-naħa tiegħu d-deputat Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi kkritika d-diskors ta’ Simon Busuttil u qal li hi ħrafa li f’Malta kollox jimxi bir-remote control mill-uffiċċju tal-Prim Ministru meta dan il-proċess mexa skont il-pariri tal-Kummissjoni Venezja. Huwa qal l-kritika tal-oppożizzjoni speċjalment fuq l-avukat ġenerali qed tnaffar nies kompetenti milli jaqbdu karriera fiċ-ċivil.