Il-President tal-Kamra tal-Periti Simone Vella Lenicker qalet li fl-aħħar ħames snin ġew sospiżi żewġ periti. Dan ifisser li ma setgħux jaħdmu għal perjodu ta’ żmien wara li ġew investigati mill-Kamra għal xi nuqqas.

Vella Lenicker qalet dan waqt il-programm Follow Up fuq RTK 103FM ippreżentat minn Sylvana Debono.

Il-Perit qalet li ma kinetx se tiddiskuti l-każijiet speċifiċi li ġraw fl-aħħar xhur fejn tkun waqgħet binja minħabba li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Qalet li huwa importanti li l-persuni involuti jerfgħu responsabbilità.

Fit-8 ta’ Ġunju waqgħet binja fil-Mellieħa. Mara weġġgħet ħafif. F’April, dar u xi appartamenti li kien għadhom qed jibnew iġġarrfu f’Tal-Pietà.

Vella Lenicker qalet li hemm diversi kwistjonijiet li jaffettwaw is-settur tal-kostruzzjoni. Spjegat li waħda minnhom hi n-nuqqas ta’ taħriġ li għandhom in-nies li jaħdmu fuq sit ta’ kostruzzjoni.

Il-preżentatriċi Sylvana Debono tkellmet dwar l-involviment ta’ perit fuq sit ta’ kostruzzjoni. Qalet li qabel meta kien ikun ġej is-cement, il-perit kien imur fuq is-sit biex janalizzah. Qallet li llum il-ġurnata, perit jinfaqa’ jidħak jekk jitqabbad biex jagħmel hekk. Min-naħa tagħha, Vella Lenicker qalet li dan suppost xorta jsir illum il-ġuranata.

Vella Lenicker qalet li l-Kamra tal-Peritit m’għandhiex ir-riżorsi li tagħmel spot checks. Żiedet tgħid ukoll li mhux xogħol il-Kamra biex dan isir. Però qalet li jekk isir ilment, “hemm proċedura” li biha l-Kamra tkun tista’ tinvestiga. Qalet ukoll li Perit jirċievi l-warrant tiegħu mingħand il-Gvern.

X’għandek tagħmel jekk se jkunu jibdew jibnu ħdejk?

Il-Perit Vella Lenicker issuġġerixxiet li jekk wieħed jara li se jkun qed isir xi xogħol ta’ kostruzzjoni ħdjejh għandu jqabbad Perit biex ikun jista’ jgħinu.

Vella Lenicker qalet li site notice titwaħħal fuq post meta tidħol applikazzjoni għand l-Awtorità tal-Ippjanar (PA). Qalet li huwa fl-interess tal-ġirien li jqabbdu perit biex jaraw x’se jiġi żviluppat. Spjegat li hemm perjodu ta’ żmien li fih wieħed jista’ jdaħħal xi oġġezzjoni.

Il-Perit kompliet tispjega li meta joħroġ il-permess, applikanti irid idaħħal Commencement Notice. Dan jiskatta proċess ieħor fi ħdan l-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini (BRO). Applikant ikun irid jissottometti wkoll method statement – dikjarazzjoni ta’ kif beħsiebu jaħdem. Il-ġirien għandhom id-dritt li jaraw dan ir-rapport u jagħtu l-kummenti tagħhom.