Il-kast tal-film Downton Abbey (2019)

Is-serje Ingliża li tant kisbet suċċess bejn l-2010 u l-2015 issa se tkunu tistgħu tkomplu ssegwuha fiċ-ċinema minn Settembru li ġej. B’kollox kien hemm 52 puntata li kienu mifruxa fuq sitt staġuni.

Ħafna atturi mill-kast oriġinali se jkunu qed jagħmlu r-ritorn tagħhom fosthom l-attriċi Maggie Smith li għal żmien twil kienet ikkummentat pubblikament kontra dan il-proġett li se jkun qed joħroġ fiċ-ċinema fir-Renju Unit fit-13 ta’ Settembru.

Din id-darba l-ġrajja se tiżvolġi mill-ġdid madwar il-familja Crawleys hekk kif fl-1927 jingħataw l-aħbar li se jkun qed ikollhom żjara mill-familja Rjali. Dawn jinkludu lir-Re George u r-Reġina Mary, li jiġu n-Nanniet tar-Reġina attwali, Eliżabetta II.

Dan Stevens (Matt Crawley) u Lily James (Lady Rose McClare) mhux se jkunu qed jirritornaw fis-sensiela filwaqt li Imelda Staunton li nafuha bħala Professor Umbridge fil-films ta’ Harry Potter se tkun qed tingħaqad fil-kast.

Ħafna qed jittamaw li dan il-film ikun suċċess u b’hekk Downton Abbey ikun jista’ jkompli l-ġrajja tiegħu permezz ta’ aktar films fiċ-ċinema.