Ela Mangion waqt il-Junior Eurovision tas-sena l-oħra. Ritratt: Andres Putting

Il-Public Broadcasting Services illum ħareġ l-applikazzjonijet għall-edizzjoni li jmiss tal-Malta Junior Eurovision Song Contest. Min jirbaħ ikun qed jirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision li se jsir fi Gliwice fil-Polonja nhar il-Ħadd 24 ta’ Novembru.

Is-sena l-oħra Ela Mangion kisbet il-ħames post bil-kanzunetta Marchin’ On u għalhekk malli jagħlqu s-sottomissjonijiet għall-edizzjoni ta’ din is-sena nhar it-30 ta’ Ġunju, jibda’ l-proċess tal-għażla għal min se jkun qed ixejjer il-bandiera Maltija fil-Polonja.

L-għażla preliminari se tkun 100% għażla tal-ġurija u it-12-il finalist jitħabbru fis-7 ta’ Lulju.

Fl-20 ta’ Lulju isir ir-rikording tal-filmati tal-kantanti u l-votazzjoni għall 50% tal-voti tal-pubbliku se ssir bejn l-1 u t-13 ta’ Awwissu. Il-filmati biex il-pubbliku jkun jista’ jivvota billi jsegwi l-filmati jew fuq it-televiżjoni kif ukoll fuq il-mezzi soċjali.

Fl-20 t’Awwissu jitħabbar ir-rebbieħ wara li l-finalisti jkantaw quddiem il-ġurija, li tivvota l-50% tal-voti tagħha.

Dawk li għandhom bejn id-9 u l-14-il sena jistgħu japplikaw billi jidħlu fis-sit tvm.com.mt u jniżżel l-applikazzjoni minn hemmhekk.