L-Aboriġini fl-Awstralja għad mhux stmati kif jixirqilhom

“Il-mod li bih is-soċjetà tagħna titratta lill-aboriġini tal-Awstralja u lir-refuġjati, tal-ewwel u tal-aħħar jisfidana biex nimpenjaw ruħna aktar għall-ġid komuni. It-tema għal din is-sena għall-Ġimgħa ta’ Rikonċiljazzjoni li tkun ċelebrata fl-Awstralja hi: Nimxu Flimkien b’kuraġġ. Dan ifakkarna fl-importanza tal-verità fil-ħajja spiritwali tagħna u fil-ħajja tas-soċjetà”.

Din l-istqarrija rappurtata mill-aġenzija FIDES, saret minn Sandie Cornish, Kap tat-Taqsima tar-Riċerka tal-Kunsill Kattoliku għall-Ġustizzja Soċjali tal-Isqfijiet Awstraljani waqt li ħabbar l-attivitajiet li qed ikunu organizzati tul dan ix-xahar li jiffukaw fuq l-aboriġini u r-refuġjati.

L-Aboriġini u r-Refuġjati

Cornish spjega li “Ir-rikonoxximent tad-dnub personali u soċjali tagħna u tal-ħsara li għamilna, jiftħilna t-triq għall-indiema u biex nagħmlu sforz biex nirranġaw l-affarijiet, biex nikkonvertu u ninbidlu. Il-fatt li n-nies oriġinali ta’ pajjiżna għadhom il-protagonisti negattivi ta’ tant indikaturi soċjo-ekonomiċi u fil-qasam tas-saħħa, għandu l-għeruq fl-inġustizzji storiċi li rridu nagħrfu u nindirizzaw biex ikollna bidla vera u dejjiema”.

L-attivitajiet li se jkunu organizzati matul dan ix-xahar, għandhom iġiegħluna nirriflettu fuq dawk li huma l-ewwel u l-aħħar fis-soċjetà tagħna. Wara li fil-bidu ta’ dan ix-xahar ingħalqet il-Ġimgħa Nazzjonali ta’ Rikonċiljazzjoni, fis-16 tax-xahar tibda l-Ġimgħa dedikata lir-Refuġjati.

Tal-aħħar jiġu l-ewwel

Fil-messaġġ tiegħu ta’ din is-sena għall-Jum Dinji tal-Emigranti u r-Refuġjati, il-Papa Franġisku qal li “Kristu jitlobna biex ma nċedux għal-loġika tad-dinja  li tiġġustifika l-inġustizzji li nagħmlu mal-oħrajn għall-gwadann tagħna jew tal-grupp tagħna. L-ewwel jien u mbagħad l-oħrajn! Minflok, il-veru motto tan-nisrani hu “Tal-aħħar jiġu l-ewwel”.

“Il-popli indiġeni u r-refuġjati ifakkruna lkoll li kulħadd għandu jkun inkluż fil-ġid komuni li wara kollox hu “it-tajjeb tagħna lkoll”. Kemm dan inwettquh fir-realtà hu l-kejl tal-ġustizzja li teżisti fis-soċjetà tagħna”, temm jgħid l-uffiċjal tal-Isqfijiet Awstraljani.