Il-Kor Gaulitanus ta’ Għawdex għadu kif irritorna mill-Italja fejn kien qiegħed għas-17-il-mawra tiegħu barra minn xtutna, din id-darba f’Assisi u f’Ruma. Din seħħet wara inviti mill-Cappella Musicale Basilica Papale di San Francesco ta’ Assisi u tal-Festival di Pasqua ta’ Ruma rispettivament.

L-ewwel impenn artistiku tal-kor kien nhar is-Sibt 8 ta’ Gunju f’Assisi, fejn anima l-quddiesa solenni ta’ lejlet l-Għid il-Ħamsin fil-Basilica Inferjuri ta’ San Franġisk, post impressjonanti u ta’ spiritwalità profonda. Hekk kif il-kor wasal f’San Franġisk ġie mdawwar il-kumpless stupend Franġiskan minn Padre Daniel. Imbagħad, ġie milqugħ fil-Basilica Inferjuri minn Padre Giuseppe Magrino, id-direttur mużikali rinomat tal-Cappella Musicale, li kien ukoll responsabbli mill-għażla tar-repertorju għal waqt il-quddiesa. Fi tmien il-quddiesa, li għaliha attendew mijiet ta’ pellegrini, Padre Magrino, li kien kuntent ħafna bl-esekuzzjoni, offra ċertifikat li jikkonferma s-sehem tal-kor f’din il-knisja sublimi Franġiskana. Id-direttur tal-kor Colin Attard irreċiproka billi offrilu memento.

Imbagħad il-kor niżel Ruma biex jieħu sehem fiż-żewġ impenji artitistiċi l-oħra li kellu, li kienu fil-Basilica dei Santi XII Apostoli proprju fiċ-ċentru ta’ Ruma nhar il-Ħadd 9 ta’ Ġunju. Il-kor beda billi anima l-quddiesa tal-Għid il-Ħamsin u kompla billi ta kunċert, preċiżament il-Concerto per la Domenica di Pentecoste, li għalaq it-22 il-edizzjoni tal-Festival di Pasqua. Il-kunċert sar b’risq l-Emergenza Sorrisi, l-Għaqda Non-Governattiva li twaqqfet 12-il-sena ilu biex jiġu operati tfal mit-tielet dinja b’deformitajiet partikolarment fil-wiċċ minn Dott Fabio Massimo Abenavoli, kirurgu famuż ħafna għall-kirurgija plastika. Dott Abenovoli, li hu wkoll il-President tal-Emergenza Sorrisi, attenda l-kunċert flimkien ma’ martu. Mistieden ieħor speċjali kien il-Prof Franco Ceriati, kirurgu ieħor famuż, lecturer u president tal-AIPRO (Associazione Italiana Prevenzione e Ricerca Oncologica). Dawn, kif ukoll l-organiżżaturi, kellhom kliem sabiħ ferm fuq l-eżekuzzjoni tal-kor Għawdxi.

Filwaqt li permezz ta’ din il-mawra l-Gaulitanus Choir kien qed jżid iċ-“Città di Pace” mal-lista impressjonanti ta’ bliet Taljani li fihom kanta, din kienet ukoll it-tieni dehra tal-kor fiċ-“Città Eterna” u partikolarment fil-Festival di Pasqua, wara is-suċċess miksub fl-2017. Dawn iż-żewg mawriet f’Ruma seħħew grazzi għall-kollaborazzjoni li l-kor bena f’dawn l-aħħar snin mal-fundatur u direttur artistiku tal-festival Ruman, Enrico Castiglione, partikolarment permezz tal-produzzjoni operistika mtellà mill-kor Għawdxi waqt Gaulitana: A Festival of Music.

Matul dawn l-impenji artistiċi fl-Italja, ir-repertorju wiesgħa tal-kor varja mill-polifonija rinaxximentali tal-iskola Rumana għal xogħlijiet aktar kontemporanji, u minn xogħlijiet tal-perjodu klassiku għal dak romantiku. B’hekk ġew esegwiti xogħlijiet ta’ Arcadelt, de Viadana, Beethoven, Schubert, Mendelsohn-Bartholdy, Gounod, Stainer, Zardini, Ortolani, Frisina u Miserachs. Naturalment, ma setax jonqos li jkun hemm element pjuttost sinjifikattiv ta’ mużika (u anke tal-lingwa) Maltija permezz ta’ kompożizzjonijiet u arranġamenti ta’ Colin Attard. ‘Fuori programma’, li anke kompla juri l-versalità tal-kor, kienet l-esekuzzjoni ta’ Negro Spiritual fuq arranġament ta’ Malcolm Sargent.

Filwaqt li l-Kor Gaulitanus kien immexxi mid-direttur u fundatur tiegħu Colin Attard, is-solisti prinċipali kienu s-soprani Annabelle Zammit u Stephanie Portelli u l-mezzo-sopran Marthese Borg. Dehru wkoll il-mezzo-sopran Miriam Curmi, it-tenur Joseph Calleja u l-baxx Jean Noël Attard f’xi linji solistiċi anqas impenjattivi.

Matul din l-mawra, li kienet ukoll approvata mill-Kunsill tal-Arti ta’ Malta bħala parti minn programm ta’ impenji nternazzjonali aktar wiesgħa għall-Kor Gaulitanus għal dis-sena, il-kor anke kellu l-opportunità li jżur Perugia kif ukoll li jgħix esperjenza kulturali ħolistika permezz taż-żjajjar f’postijiet storiċi kemm f’Assisi kif ukoll f’Ruma. Barra minn hekk, uħud mill-membri tal-kor kellhom l-okkażjoni li jiltaqgħu ma’ Frate Alessandro Brustenghi, it-tenur Franġiskan famuż, li miegħu l-kor kien ħa sehem f’kunċert f’Malta diretti mill-istess surmast Attard xi snin ilu.