Bejn l-2016 u Mejju tal-2019 kien hemm total ta’ 26 ġenitur li weħlu l-ħabs jew inżammu taħt detenzjoni għax ma obdewx id-deċiżjoni tal-Qorti marbuta ma’ aċċess ta’ tfal lill-ġenituri li ma jgħixux Malta.

Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici fil-Parlament hu u jwieġeb mistoqsija tad-deputat Speaker Claudette Buttigieg. L-istatistika li pprovda Bonnici turi li bil-kuntrarju tal-każijiet ta’ manteniment mhux imħallas fejn l-aktar li weħlu l-ħabs kienu rġiel, fejn jidħol persuni li ma obdewx lill-Qorti dwar aċċess tat-tfal, jidher li kien hemm aktar nisa minn irġiel. Skont l-istatistika, fl-istess perjodu kien hemm 26 mara li nstabu ħatja u weħlu detenzjoni jew ħabs, filwaqt li kien hemm 10 każi fejn kienu rġiel.

Aqra: Għall-ħabs għax ma ħallsux il-manteniment tat-tfal

Is-sena li fiha kien hemm l-aktar każijiet kienet dik tal-2016 fejn kien hemm total ta’ 18-il każ. Fl-2017 kien hemm total ta’ ħames każi, filwaqt li fl-2018 kien hemm total ta’ tliet każi. Sad-9 ta’ Mejju ta’ din is-sena ma kien hemm l-ebda każ tat-tip. L-istatistika tinkludi kemm ġenituri Maltin u kemm ġenituri barranin.

Il-Ministru Bonnici spjega li bejn l-1 ta’ Jannar tal-2016 sad-9 ta’ Mejju tal-2019, fil-Qorti ta’ Għawdex ma kienx hemm persuni li weħlu l-ħabs għax ma obdewx id-deċiżjoni tal-Qorti marbuta ma’ aċċess ta’ tfal lill-ġenituri li ma jgħixux Malta. Intant, intqal ukoll li l-massimu ta’ detenzjoni li persuna li ma tippermettix aċċess għal minuri lill-persuna li jkollha l-kustodja ta’ dak il-minuri huwa ta’ xahrejn skont il-Kodiċi Kriminali.

Aqra: Omm tieħu lill-iben pajjiż ieħor; il-missier jinsisti li jħallas il-manteniment