L-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta Kevin Aquilina ddeskriva l-abbozz li qed jipproponi l-Gvern biex jemenda l-liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala “farsa”. Skont il-Gvern l-abbozz għandu l-għan li jaqsam l-uffiċċju fi tnejn – dak ta’ avukat tal-istat u ieħor ta’ prosekutur statali.

F’artiklu fil-ġurnal tal-għaqda studenteska tal-liġi GħSL, Aquilina kkritika l-abbozz u qal li nkiteb ta’ kaf kaf u li kien medjokru. Qal li dan l-abbozz m’għandux jgħaddi mill-Parlament. Skont Aquilina, l-abbozz imur kontra l-prinċipji tas-separazzjoni tal-poteri u tar-rispett lejn il-liġijiet (saltna tad-dritt). Żied jgħid li l-abbozz huwa farsa tar-rakkommandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Aquilina qal li hemm inkonsistenzi bejn l-abbozz u r-rapport li jindika li l-Gvern ikun qed iqarraq meta jgħid li qed jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

Aquilina qal li l-Kummissjoni Venezja qajmet it-tħassib tagħha dwar l-irwoli varji li jwettaq l-Avukat Ġenerali filwaqt li l-abbozz jindirizza kunflitt wieħed minnhom biss.

Il-professur tal-liġi qal li jidher li l-Gvern m’għandux diffikultà jikser ir-rispett lejn il-liġi (saltna tad-dritt). Qal ukoll li l-unika konklużjoni leġittima hi li l-Gvern qed jaġixxi għal t’apposta b’intenzjonijiet ħżiena.

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal li l-ebda membru tal-Kummissjoni Venezja m’għandu għalfejn jikkritika il-qasam tal-ġustizzja f’Malta għax l-ebda pajjiż li ġejjin minnu m’għandu sistema ġudizzarja aħjar minn ta’ Malta. Bil-kuntrarju, fi kliem Herrera, li kieku Malta kellha tadotta ċertu sistemi li jinsabu f’dawn il-pajjiżi kien jinqala’ pandimonju sħiħ.