Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew Eletta Roberta Metsola ntgħażlet mill-Partit Popolari Ewropew (EPP) biex tkun waħda min-negozjaturi tal-grupp politiku dwar ir-rispett lejn il-liġijiet (saltna tad-dritt) u l-politika dwar is-sigurtà.

Is-sit Politico qal li l-EPP għażel l-għaxar negozjaturi tiegħu, tnejn għal kull grupp ta’ ħidma. Flimkien ma’ Metsola se jkun hemm Esteban González Pons.

Ma’ Newsbook.com.mt Metsola qalet li huwa ta’ unur għaliha li ntgħażlet bħala waħda mill-għaxar MEPs. Qalet li f’dawn l-aħħar jiem kienet fi Spanja biex tipprepara u li temmen li se jinstab kunsens ma’ gruppi politiċi oħra waqt in-negozjati biex jiġu indirizzati wħud mil-aktar kwistjonijiet urġenti tan-nies Maltin u tal-Ewropa.

Skont Politico, l-erba’ gruppi politiċi fil-PE prinċipali se jkunu qed jibdew jiddiskutu dwar kif jistgħu jinfluwenzaw l-aġenda strateġika tal-Kunsill Ewropew u l-prioritajiet tal-Kummissjoni. L-EPP għażel għaxar negozjaturi għal dan il-proċess.

Il-gruppi ta’ ħidma kellhom jiltaqgħu għall-ewwel darba llum fi Brussell.

Skont Politico, it-tim tal-EPP huwa magħmul minn MEPs ewlenin u esperjenzati. Qal li l-messaġġ tal-EPP huwa li jinsab lest għal dawn il-laqgħat.