Il-kumpanija Gozo Channel  ħabbret li se tkun qed topera bi skeda ġdida tas-sajf mit-Tnejn 17 ta’ Ġunju. Din l-iskeda se tara żieda ta’ madwar 16-il vjaġġ, tmienja minn kull naħa meta mqabbel mas-sena l-oħra.

Min-nhar it-Tnejn mistenni wkoll jibda jaħdem ir-raba’ vapur tal-Gozo Channel. L-MV Nikolaos qed jinkera b’mod temporanju mill-Gozo Channel biex ikun jista’ jtaffi mill-piż tat-tliet vapuri l-oħra.

Fl-2018, bejn it-8 am u t-8 pm mill-Imġarr għaċ-Ċirkewwa kienu jsiru 16-il vjaġġ filwaqt li kienu jsiru 13-il vjaġġ wara t-8 pm sat-8 am l-għada filgħodu. Nhar ta’ Tnejn kien ikun hemm vjaġġ iżjed.

Mill-Imġarr għaċ-Ċirkewwa, fis-sajf tal-2019 fost il-ġimgħa għandu jkun hemm 20 vjaġġ bejn it-8 am u t-8 pm. Wara t-8 pm sat-8 am l-għada filgħodu jkun hemm 17 il-vjaġġ. Nhar ta’ Sibt u nhar ta’ Ħadd ikun hemm 22 u 15-il vjaġġ rispettivament, b’total ta’ 37 vjaġġ.

Fl-2018, l-iskeda tas-Sajf kienet fis-seħħ bejn il-11 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Novembru. Din is-sena l-iskeda tas-Sajf tapplika bejn is-17 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Novembru. Dan ifisser li għal din is-sena l-iskeda tax-xitwa ġiet estiża.

Kelliem għall-Ministeru għal Għawdex qal ma’ Newsbook.com.mt li “bl-introduzzjoni tar-rabà vapur se tidħol fis-seħħ skeda ġdida fejn se jiżdiedu t-traġitti kemm fis-Sajf kif ukoll fix-Xitwa.”

It-Tnejn li għadda saret konferenza tal-aħbarijiet mal-wasla tar-raba’ vapur fiċ-Ċirkewwa. Il-vapur jakkomoda 160 karozza u 650 passiġġier fis-sajf. L-MV Nikolaos li nbena fl-1987 ġie mikri għal perjodu definit sakemm jinħareġ tender internazzjonali biex eventwalment il-kumpanija Gozo Channel tikri l-vapur għal perjodu itwal ta’ żmien.

Filmat: Il-wasla tar-raba’ vapur

Madanakollu, it-Tnejn il-midja indipendenti ma tħallietx tara l-vapur minn ġewwa.

Il-Ministru tagħmilha ta’ kaptan tar-raba’ vapur; ġurnalisti l-art

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ma qalitx kemm ġie jiswa dan il-proġett. Qalet li ma setgħetx tagħti din l-informazzjoni minħabba li hija kummerċjalment sensittiva.