Spice Girls ikantaw fi Bristol, fl-Ingilterra. Ritratt: INSTAgram

Fl-Ingilterra f’dawn l-aħħar ġranet għamlet dilluvju ta’ xita fejn ingħad li xahar ta’ xita niżel f’ġurnata waħda. Waqt dawn il-ħalbiet tax-xita l-grupp Spice Girls inqabad f’waħda minnhom waqt li kienu qed jagħmlu kunċert fi Bristol. Iżda minkejja x-xita nieżla fuqhom komplew bl-ispettaklu biex ma jiddiżappuntawx li min kien preżenti jarahom u minħabba f’hekk qalgħu bosta tifħir.

Emma Bunton, ta’ 43 sena u Geri Horner, 46, tgħattew b’raincoat tal-plastik imma Mel C, 45 u Mel B, 44, ma għamlux hekk u xxarrbu waħda sew. Dawk preżenti ġġennu jaraw hekk u waħda preżenti bagħtet tweet li kienet tgħid li lanqas xita bil-qliel ma kellha l-qawwa li tmewwet dawk l-irġejjen tal-kant.

L-attriċi Dawn French ma qagħditx lura wkoll u ppostjat li “Il-lejla kien hemm qawwa tremenda min-nisa f’lejla mimlija xita fi Bristol.”

Il-lejla, l-Erbgħa 12 ta’ Ġunju, l-iSpice Girls se jkollhom kunċert f’Londra f’Wembley Stadium u se jkun hemm preżenti wkoll Victoria Beckham, membru oriġinali tal-grupp femminili … imma se tkun fost l-udjenza mhux fuq il-palk!