Raġel li spiċċa lampa stampa għax it-tfajla li ried joħroġ magħha ma riditux tant ħa għalih li spiċċa l-Qorti akkużat li waddbilha tadam u ġebel lejn il-karozza tagħha.

Ir-raġel ta’ 30 sena mill-Isla deher quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkużat li b’insegwiment malizzjuż u li kkawża ħsarat fuq żewġ karozzi fl-Isla. Skont l-Ispettur Eman Hayman, ir-raġel xtaq jibda konverżazzjoni mal-mara li kien ilu interessat fiha għal xi żmien, u li kienet ħabiba tiegħu minn meta kienu żgħar. Hu sostna li l-akkużat joqgħod isegwiha u jwaddbilha l-affarijiet tant li l-mara spiċċat issottomettiet numru ta’ rapporti lill-Pulizija. Il-mara spiċċat anke kellha tinstalla kameras tas-CCTV.

Fil-Qorti ħareġ li l-akkużat tela’ fuq il-bejt ta’ xi ġirien u beda jwaddab ġebel u tadam fuq il-karozza tagħha. Għaldaqstant spiċċa kkawża ħsarat fuq żewġ karozzi ta’ terzi persuni minflok.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih minkejja li kkonferma li dak li jidher fil-filmati tas-CCTV huwa hu. Ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €2,000. Hu ġie ordnat josserva l-ħinijiet ta’ meta jista’ joħroġ filwaqt li jrid jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa. Hu ġie ordnat ma jersaqx lejn it-tfajla.