L-Isqof t’Għawdex Mario Grech żejjen bid-dekorazzjoni ta’ Pro Ecclesia et Pontifice (PEP) lil Joseph W. Psaila, mir-Rabat, Għawdex.

L-għotja saret nhar l-Erbgħa li għadda waqt ċerimonja qasira fil-Kurja Veskovili tar-Rabat.

Dan l-unur jingħata mill-Papa lil dawk l-individwi li jkunu ddistingwew ruħhom għas-servizzi li taw b’risq il-Vanġelu u l-Knisja.

L-Isqof Grech semma d-doti sbieħ ta’ Joseph W. Psaila, fosthom il-ħsieb u l-qalb bi mħabba għal Kristu, għall-bniedem u għal Għawdex. Irringrazzjah ukoll talli kien spalla għalih, speċjalment fl-ewwel snin tal-ministeru episkopali, fil-ħidma mal-iskejjel tal-Knisja.

Fost oħrajn, is-Sur Psaila kien Editur għal għaxar snin tar-rivista djoċesana Il-Ħajja f’Għawdex.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm uffiċjali tal-Kurja, ħbieb u kollaboraturi tar-rivista.