Il-Knisja Kattolika fl-Iraq li l-Papa wera x-xewqa li jżur

F’laqgħa li kellu ma’ membri ta’ assoċjazzjonijiet li jgħinu lill-Knejjes Kattoliċi Orjentali, il-Papa Franġisku qal li hu l-ħin kollu jaħseb fl-Iraq u esprima x-xewqa li s-sena d-dieħa jkun jista’ jżur dan il-pajjiż.

Il-Papa elenka d-diversi pajjiżi fejn jaħdmu dawn l-assoċjazzjonijit volontarji ta’ għajnuna u fejn l-insara għadhom qed isofru, fosthom is-Sirja, l-Ukrajna u anke l-Art Imqaddsa u l-Iraq li dwaru l-Papa tkellem aktar fit-tul.

Qal li jittma li l-Iraq ikun kapaċi jibni future fil-paċi bażat fuq it-tfittxija tal-ġid komuni tal-partijiet kollha tas-soċjetà, inkluż ir-reliġjonijiet u ma jerġax jirritorna  għall-ġlied imħeġġeġ mill-interessi tal-potenzi fir-reġjun.

Il-popolazzjoni żgħira ta’ nsara fl-Iraq li tinkludi ftit mijiet ta’ eluf, sofriet persekuzzjoni u tbatija meta l-ISIS ħadu control ta’ partijiet kbar minn dan l-istat Islamiku, imma wara li l-jihadisti tkeċċew mill-pajjiż il-poplu reġa’ kiseb il-ħelsien.  Fil-pajjiż hemm Knejjes ta’ diversi riti kemm Kattoliċi kif ukoll Ortodossi.

Jekk ix-xewqa tal-Papa ssir realtà tkun l-ewwel Żjara Apostolika li qatt saret f’dan il-pajjiż.

L-Iraq, is-Sirja, l-Ukrajna, l-Art Imqaddsa

F’riferenza qasira għas-sitwazzjonijiet partikolari f’dawn l-erbà postijiet, Papa Franġisku esprima d-dispjaċir tiegħu “għas-sitwazzjoni drammatika fis-Sirja u s-sħab iswed li qed jinġemgħa fuq xi żoni fil-pajjiż fejn għad hemm riskju kbir ta’ kriżi umanitarja oħra.

“Anqas ma’ nista’ ninsa l-Ukrajna u nittama li l-poplu f’dan il-pajjiż isib il-paċi,” qal il-Papa.

Hu esprima t-tama li l-inizjattiva dwar l-Art Imqaddsa fejn il-komunitajiet insara qed jaħdmu id f’id bil-kooperazzjoni ta’ atturi lokali u internazzjonali.uR

Il-Papa Franġisku reġa’ rrifera għas-sitwazzjoni gravi tal-emigranti u r-refuġjati u qal: “Spiss nisimgħu l-karba ta’ nies li qed jaħarbu min pajjiżhom, imrassin fuq xi dgħajsa jfittxu t-tama bla ma jaf liema portijiet se jilqugħhom fl-Ewropa. L-Ewropa li tiftaħ il-portijiet tagħha għall-vapuri biex jgħabbu armament li jġibu d-distruzzjoni u ma jaħfru lil ħadd anqas lit-tfal”.

Tama u konsolazzjoni      

Il-Papa enfasizza dwar l-ilħna ta’ tama u konsolazzjoni li fisser li huma “l-eku tal-ħidma bla waqfien li l-organiżazzjonijiet karitatevoli jagħmlu ma dawn il-popli”.

Billi nagħtu tama lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin inkunu qed ngħinu liż-żgħar “jikbru fl-umanità u meħlusa minn forom ta’ ideoloġiji u koloniżazzjoni, imma b’qalb u moħħ miftuħ,” qal Papa Franġisku.

Il-Papa nnota li din is-sena, iż-żgħażagħ fl-Etjopja u l-Eritrea – wara li waslu għall-paċi tant mixtieqa bejn iż-żewġ pajjiżi, abbandunaw l-armi u qed jgħixu fil-paċi u l-armonija.

Hu temm id-diskors tiegħu billi appella lil dawk preżenti jgħinuh ixerred il-messaġġ ta’ fraternità li hemm fid-Dokument ta’ Abu Dhabi.