L-NGO Repubblika argumentat li t-tliet ministri li jidhru li kkwotaw mir-rapport tal-inkjesta Egrant għandhom juru kopji tad-dokument bħala parti mill-proċeduri.

F’applikazzjoni urġenti ppreżentata nhar it-Tlieta, l-avukat Jason Azzopardi f’isem Repubblika talab lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex tordna lill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, lill-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u lill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna biex jippreżentaw kopji tad-dokument li kienu kkwotaw fil-proċedimenti preċedenti.

Jidher li t-tliet ministri kkwotaw mir-rapport tal-inkjesta Egrant li bħalissa mhux disponibbli għall-pubbliku. Il-konklużjonijiet tar-rapport imħejji mil-Maġistrat Aaron Bugeja huma l-unika parti mid-dokument li s’issa ġew ippubblikati. Id-dokument iċċita partijiet minn dak li jidher li huwa parti mill-proċess verbali tar-rapport tal-inkjesta Egrant. Dan użawh jiddefendu lilhom infushom kontra t-talba legali ta’ Repubblika li għamlu biex jibdew proċeduri kontra l-imsemmija ministri b’konnessjoni mal-ftehim tal-VGH.

Fl-applikazzjoni, Azzopardi argumenta li dokument riferit minn xhud jew minn partit f’każ, irid ikun ippublikat jew tal-inqas ikun aċċessibbli għall-parti l-oħra u aktar importanti minn hekk, ikun aċċessibbli għall-qorti.