Attivisti kontra l-korruzzjoni nġabru fil-periferija ta’ Pjazza Kastilja hekk kif il-mexxejja tas-seba’ Stati Membri Ewropej iltaqgħu f’Malta għas-sitt summit tal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea li din id-darba tmexxa mill-Prim Ministru Joseph Muscat. It-temi li ddominaw is-summit kienu l-immigrazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-budget tal-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, flimkien mal-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, il-Prim Ministru Griek Alexis Tsiparas, il-Prim Ministru Portugiż Antonio Costa u l-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez esprimew solidarketà mil-President Ċiprijott Nicos Antastasiades hekk kif it-tensjoni bejn Ċipru u t-Turkija qed tkompli tikber.

Madanakollu, filwaqt li l-mexxejja indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet, attivisti konta l-korruzzjoni armati bi strumenti mużikali bdew jgħajtu għall-ġustizzja għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u “le għall-korruzzjoni” fost oħrajn. Il-mexxejja li kienu se jimxu lejn il-Palazz tal-President għall-ikla ta’ filgħaxija spiċċaw ittieħdu lejn id-destinazzjoni tagħhom permezz ta’ karozza.

Aqra:

Fi stqarrija maħruġa aktar tard, Occupy Justica qalet li kienet preżenti sabiex tfakkar lill-kapijiet tal-istati preżenti li ma ġietx miftuħa inkjesta indipendenti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Iż-żmien li fih qed isir is-summit huwa kruċjali” – Muscat

Muscat fetaħ id-diskussjoni b’diskors fejn iddeskriva ż-żmien li fih qed iseħħ is-summit bħala wieħed kruċjali u spjega kif dawk preżenti kellhom bżonn ikunu parti mid-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea. Dan kien l-ewwel summit wara l-elezzjonijiet Ewropej li eleġġew rappreżentanti ġodda għal-leġiżlatura l-ġdida tal-Parlament Ewropew.

Muscat iddeskriva lil Malta bħala pont bejn l-Ewropa u l-Afrika, b’pożizzjoni perfetta biex taġixxi bħala interlokutur għal dibattiti ta’ problemi reġjonali.