It-tiġdid għandu jispikka fil-Festival ta’ din is-sena taħt it-tmexxija tad-Direttur Artistiku Ruben Zahra. Element fost il-ġodda hu l-fatt li l-programm wiesa’ ta’ wirjiet lokali u internazzjonali se jitqassam f’diversi inħawi madwar Malta biex il-Festival jilħaq udjenza usa’.

Fost l-innovazzjonijiet tal-Festival ta’ din is-sena hemm esperjenzi uniċi b’rappreżentazzjonijiet fl-isfond tas-siti eċċezzjonali ta’ wirt li għandna f’pajjiżna. Ewlieni fosthom, il-kumpless tat-tempji ta’ Ħaġar Qim fil-Qrendi, li se jagħti sfond u palk affaxxinanti lil żewġ produzzjonijiet tal-Festival: ‘Temple Percussion’, li fiha se ngawdu xogħol tal-perkussjonista Ċiniża Beibei Wang; u ‘Guthan Aosda – Ancient Voices’, rappreżentazzjoni suġġestiva ta’ mużika u żfin.

F’‘Temple Percussion’, Wang se twasslilna mużika ta’ żmienna – li tinkludi kompożizzjonijiet ta’ Psathas, Tan Dun, Xenakis, Séjourné u oħrajn. Din il-kunċert se tittella’ flimkien maċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta.

L-oħra mbagħad, ‘Guthan Aosda – Ancient Voices’, hi wirja li tgħaqqad flimkien liż-żeffiena Maltija Diane Portelli u lill-mużiċisti Skoċċiżi John Kenny u Pete Vilk. Kenny se jdoqq għadd ta’ strumenti eżotiċi li kienu jintużaw fir-ritwali ta’ żminijiet imbiegħda, ibda mill-bronja primordjali u l-qrun tal-barri. Bihom Kenny se jwasslilna ħsejjes ġodda mill-qedem Keltiku bħal dawk tal-‘carnyx’, strument tal-bronż li fih tispikka r-ras totemika ta’ ċingjal. B’hekk, l-udjenza se terħilha fuq vjaġġ imsaħħar bil-ħsejjes ta’ ritwali mbiegħda fl-isfond spettakolari ta’ tempju Neolitiku.

Din l-għażla ta’ postijiet tidħol kexxun fil-viżjoni ta’ Ruben Zahra għall-Festival: dik li jlaqqmu b’elementi ġodda li permezz tagħhom ikun jista’ jagħti frott uniku li jagħżel lill-Festival Malti minn oħrajn fl-Ewropa u fid-dinja; u l-idea ta’ rappreżentazzjonijiet f’Ħaġar Qim hi parti importanti minn din il-viżjoni.

“Tista’ tassisti għal kunċerti ġewwa teatru fi kwalunkwe festival internazzjonali,” jistqarr Ruben Zahra. “Imma f’Malta biss tista’ tgawdi esperjenza artistika mill-aqwa f’tempju Neolitiku.”

L-appuntament għal ‘Temple Percussion’ hu l-Erbgħa 3 ta’ Lulju fid-9pm; dak għal ‘Guthan Aosda – Ancient Voices’ hu l-Ħamis 11 ta’ Lulju fid-9pm. Heritage Malta qed tappoġġja ż-żewġ rappreżentazzjonijiet.

Biex issir taf aktar dwar dawn il-wirjiet u oħrajn tal-Festival Internazzjonali tal-Arti, idħol fis-sit www.festivals.mt/miaf.