Il-karti tal-eżami tal-Malti u tal-Matematika se jiġu kkoreġuti minn professjonisti. Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Ministeru għall-Edukazzjoni. Hi spjegat li l-karti tal-eżamijiet ġew ippreparati mill-istess professjonisti.

Għall-aħħar xhur, l-Union tal-Għalliema (MUT) kienet qed tissielet sabiex jitnaqqas il-piż żejjed minn fuq l-għalliema, b’mod partikolari taż-żewġ suġġetti hekk kif kien hemm bosta li kienu qed ikollhom jgħallmu aktar mill-massimu tal-lezzjonijiet fil-ġimgħa, jiġifieri aktar minn 25 lezzjoni. Minħabba li ftehim baqa’ qatt ma ntlaħaq, l-MUT ordnat direttiva sabiex l-għalliema membri tagħha la jagħmlu l-karti tal-eżami u lanqas jikkoreġuhom.

Aqra: “L-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika se jsiru” – Il-Ministeru

Intant, numru ta’ laqgħat baqgħu qatt ma wasslu għall-ftehim bejn il-Gvern u l-Union. Il-Gvern iddeċieda li minkejja d-direttiva tal-Union, iqabbad professjonisti sabiex jaħdmu l-karta tal-eżami u b’hekk kien iddikjara li l-eżamijiet kienu se jsiru xorta waħda skont l-iskeda li kienet ħarġet għall-istudenti.

Aqra: “Aħna ma nixtiqux inkunu bla eżami” – studenti

Newsbook.com.mt ma rċeviex risposta dwar jekk il-karti tal-eżamijiet għaddewx minn proċess ta’ verifika sabiex jiġi aċċertat li l-karti tal-eżami huma skont is-sillabu u jsegwux l-istil li hu familjari għall-istudenti. Il-Ministeru ma weġibx ukoll dwar il-proċess ta’ kif saru l-karti tal-eżamijiet u jekk il-kontenut tagħhom hux kompletament oriġinali.

Aqra: L-eżamijiet tal-Malti u tal-Matematika se jsiru fl-iskejjel tal-Knisja

Aqra: Il-Ministeru jitlob lill-MUT terġa’ tikkunsidra d-direttiva li ma jsirux l-eżamijiet

“Ma rridux nerġgħu nsibu l-istess sitwazzjoni f’Settembru” – MUT

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici qal ma’ Newsbook.com.mt li wara l-laqgħat li kellhom lejn il-bidu ta’ Ġunju, ma reġgħux semgħu xejn aktar mingħand il-Ministeru. Tenna li l-kwistjoni għadha pendenti u għaldaqstant qed jittama li d-diskussjonijiet ikomplu għaddejja sabiex tinstab soluzzjoni kemm jista jkun malajr. Dan sabiex l-għalliema ma jerġgħux isibu lilhom infushom fl-istess sitwazzjoni malli jasal Settembru.

Aqra: L-MUT tagħti aktar struzzjonijiet dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika