Aktar minn 200 miljun ċittadin Ewropew mar jivvota fl-elezzjonijiet Ewropej li seħħew bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju. Dan skont stqarrija tal-Parlament Ewropew li spjegat li kien hemm żieda fit-turnout meta kkumparat mal-elezzjonijiet li għaddew. Il-leġiżlatura li jmiss tibda fit-2 ta’ Lulju.

X’se jkun qed isir f’Ġunju?

Qabel l-ewwel seduta plenarja ta’ Lulju, il-gruppi politiċi jagħmlu l-ewwel laqgħat tagħhom. Il-Parlament Ewropew spjega kif grupp politiku irid jikkonsisti f’minn tal-inqas 25 MEPs eletti f’mhux inqas minn kwart tal-Istati Membri, jiġifieri seba’ pajjiżi. Sabiex ikunu uffiċċjalment rikonoxxuti mit-2 ta’ Lulju, il-gruppi politiċi jridu jibagħtu notifika lill-President sal-1 ta’ Lulju.

X’se jkun qed isir bejn it-2 u l-4 ta’ Lulju?

L-MEPs li għadhom kemm ġew eletti jiltaqgħu fi Strasburgu bejn it-2 u l-4 ta’ Lulju sabiex jeleġu l-President, 14-il Viċi-President u ħames Kwesturi. Il-Parlament se jivvota fuq il-kompożizzjoni numerika tal-Parlament u s-sotto-kumitati u b’hekk jibda t-terminu leġiżlattiv il-ġdid. Fil-ġimgħat ta’ wara, il-Parlament Ewropew spjega li l-kumitati jkollhom l-ewwel laqgħat tagħhom sabiex jeleġu ċ-Chairs u l-Vice Chairs.

L-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea

L-istqarrija tkompli tispjega kif l-ewwel opportunità għall-Parlament Ewropew sabiex jeleġi l-President tal-Kummissjoni Ewropea hija t-tieni sessjoni ta’ Lulju, bejn il-15 u t-18. Il-persuna se jkollha bżonn il-maġġoranza assoluta fil-Parlament, jiġifieri nofs l-MEPs eżistenti u wieħed (376 vot favur). Jekk il-kandidat ma jiksibx il-voti neċessarji, l-Istati Membri jkunu jridu jipproponu kandidat ieħor fi żmien xahar. Fl-2019, il-partiti politiċi Ewropej ressqu l-kandidati tagħhom għall-irwol.

U l-Kummissarji kif jiġu eletti?

Il-Parlament Ewropew spjega kif il-Kunsill, bi ftehim mal-President elett tal-Kummissjoni, jadottaw lista ta’ kandidati, wieħed għal kull stat membru. Dawn jidhru quddiem il-kumitati parlamentari fid-dipartimenti ta’ responsabbiltajiet tagħhom.

Ix-xogħol tal-leġiżlatura li għaddiet x’jiġri minnu?

Il-voti kollha li ttieħdu fil-Parlament qabel l-elezzjonijiet jibqgħu legalment validi għall-Parlament li jmiss. Iżda fejn jidħlu punti leġiżlattivi li ma kienux waslu fil-plenarja qabel l-elezzjonijiet, jieqaf ix-xogħol fuqhom sakemm ma titteħidx deċiżjoni mill-President tal-Parlament Ewropew u l-mexxejja tal-gruppi politiċi biex ix-xogħol fuqhom jitkompla.