Meta l-anzjana Grace Jones mietet fis-7 ta’ Ġunju f’Worcestershire fl-Ingilterra dan kien ifisser li minn mindu twieldet 112 sena ilu, tul ħajjitha kien hemm 26 prim ministru, erba’ rejiet u reġina. Grace Jones twieldet f’Liverpool fis-16 ta’ Settembru 1906, ħames snin biss wara l-mewt tar-Reġina Victoria u tmien snin qabel ma faqqgħet l-ewwel gwerra.

Il-mara kienet bint kappillan Protestant u wara li żżewġet lill-inġinier Leonard Jones fl-1933. B’kollox il-koppja għexet fi 28 post differenti fl-Ingilterra. Hi kienet tgħid li l-isbaħ memorja ta’ ħajjitha kienet meta żżewġet għax ir-raġel tagħha kien ġentlom tassew, “dejjem konna nkunu flimkien u ħabbejna lil xulxin.”

Meta kienet għadha ħajja kienu staqsewha dwar it-tul tas-snin li għexet. Grace Jones kienet tħobb tgħid li ma hemmx aħjar minn qatra whiskey ma’ qatra ilma kull lejla għax il-whiskey tajjeb għalik. Bdiet tixrob din il-qatra whiskey sa minn meta kellha 50 sena. It-tabib kien qalilha biex ma tinkwetax dwar ix-xorb u hija kienet irrispondiet li mhux il-whiskey joqtlok imma l-inkwiet.

Bintha Deirdre McCarthy, ta’ 80 sena, qalet li jumejn biss qabel ma mietet ommha, huma kienu qed jilagħbu bil-blalen fuq it-tapit.

Grace Jones, li kellha biss lit-tifla Deirdre, saret l-aktar mara anzjana fl-Ingilterra wara l-mewt ta’ Olive Boar fis-sajf li għadda meta kellha 113 sena.