Il-Kap tal-Iskola tal-Happy School Lelio Spiteri ħabbar li l-istudenti tal-Year 5 u Year 6 se jibqgħu fl-istess skola kuntrarju għal dak li kien se jsir. Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma indipendentament li l-Gvern kellu pjanijiet avvanzati biex mis-sena skolastika li jmiss, l-istudenti f’dawn is-snin tal-iskola primarja fir-Rabat, Għawdex jiċċaqalqu għall-iskola primarja tan-Nadur.

Ġenituri ta’ studenti f’din l-iskola kienu ġabru l-firem f’petizzjoni minħabba li kienu preokkupati għas-saħħa u sigurtà f’din l-iskola. Huma kienu talbu biex l-awtoritajiet jieqfu jipposponu l-bini ta’ skola ġdida għal uliedhom.

Ritratti: Skola qadima u bla dawl: Ġenituri jibdew petizzjoni

Il-Gvern kien ċaħad li din l-iskola hija perikoluża.

AQRA: Il-Gvern jiċħad li l-iskola primarja tar-Rabat Għawdex hi perikoluża

F’messaġġ li ntbagħat mill-amministrazzjoni aktar kmieni din il-ġimgħa, il-ġenituri ġew mgħarrfa li se ssir laqgħa għalihom nhar il-5 ta’ Lulju li ġej. Din il-laqgħa kienet se tkun indirizzata mid-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi Maria Mc Namara. Għalliema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li f’din il-laqgħa kienet se tiġi mħabbra uffiċjalment l-aħbar li uliedhom fil-5 u s-6 sena tal-iskola primarja kienu se jibdew jitgħallmu fl-iskola tan-Nadur.

Intant, illum waranofsinhar, il-Kap tal-Iskola bagħat messaġġ ieħor li fih qal li l-istudenti se jibqgħu fi skola waħda u li din il-laqgħa tħassret. Sorsi infurmati fil-Ministeru għall-Edukazzjoni qalu li din il-laqgħa tħassret wara li l-ġenituri u l-għalliema ma qablux mad-deċiżjoni li jiċaqalqu għan-Nadur.

“Kollox sigriet biex jiċċaqalqu klassijiet mir-Rabat għan-Nadur” – Chris Said

Din l-aħbar seħħet 24 siegħa wara li l-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex Chris Said u s-Sindku-elett għar-Rabat Josef Schembri ħabbru fuq Facebook li kien hemm il-preparamenti biex isir dan iċ-ċaqliq.

Said qal li dan kien qed isir kollox b’mod sigriet tant li la l-ġenituri u lanqas l-għalliema ma kienu mgħarrfa. Saħaq li deċiżjoni bħal din kellha “implikazzjonijiet serji” ta’ trasport, konġestjoni, trasferiment ta’ għalliema u anki li l-iskola tan-Nadur tinsab ukoll fi stat ħażin.

Il-Ministeru joħroġ stqarrija

Fi stqarrija li ħareġ il-Ministeru għall-Edukazzjoni llejla qal li l-laqgħa pjanata mal-ġenituri se ssir xorta, bil-kontra ta’ dak imħabbar mill-Kap tal-Iskola. Il-Ministeru qal li għalkemm kellu proposta li kienet biex it-tfal tar-Rabat jiċċaqalqu fi skejjel differenti, din mhix ser issir.

Qal li ukoll li l-Ministeru baqa’ jżid il-fondi għall-iskola primarja tar-Rabat, inkluż għall-maintenance li fil-fatt baqa’ jsir b’mod regolari. Qal li din is-sena wkoll sar investiment f’outdoor facility ġdida, turf fil-bitħa u  sistema ta’ sigurtà f’din l-iskola.

Skola Primarja ġdida għar-Rabat, Għawdex

F’Settembru li għadda kien irrappurtat li l-iskola l-ġdida li mistennija tinbena qrib l-iskejjel l-oħra tal-Gvern fir-Rabat kienet se tiftaħ f’Settembru ta’ din is-sena.

Ritratti: Ara kif se tidher il-Primarja tar-Rabat Għawdex

Iżda fl-aħħar jiem, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kkonferma li għalkemm ġie irtirat tender li għandu x’jaqsam ma’ xogħol preparatorju għall-bini tal-iskola primarja l-ġdida fir-Rabat Għawdex, ħareġ tender ieħor fid-dawl ta’ informazzjoni teknika ġdida li nġabret. Dan ifisser li l-iskola mhix se tkun lesta sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss kif kien ippjanat.

Skola Rabat Għawdex: Irtirat tender għal xogħol preparatorju; joħroġ ieħor