Bil-proposta ta’ metro bejn Malta u Għawdex, vjaġġ mir-Rabat, Għawdex sal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jista’ jieħu sa 32 minuta. Dan qalu Dr Konrad Xuereb li huwa perit u direttur ta’ kumpanija tal-inġinerija waqt attività organizzata minn Wirt Għawdex.

Fil-preżentazzjoni lill-pubbliku li saret fis-sala tal-Ministeru għal Għawdex, Dr Xuereb fisser il-proġett f’aktar dettall li ħareġ mill-kumpanija tiegħu KonceptX. Saħaq li l-kunċett ta’ metro hu li jiġbed l-aktar nies bl-inqas tul possibbli.

Għalkemm fisser li l-mudell li qed jissuġerixxi huwa finanzjarjament vijabbli, huwa saħaq li bħala servizz vitali ta’ trasportazzjoni għall-massa, anki jekk ma jkunx vijabbli għandu jsir. Huwa qal dan filwaqt li qabbel is-servizz ta’ metro ma’ sptar u qal li anki jekk mhux vijabbli finanzjarjament xorta għandu jinbena.

Għall-attività attendew għadd residenti li jgħixu Għawdex fil-maġġoranza tagħhom barranin.

Spjega li l-kunċett tiegħu jiffoka fuq 20 stazzjonijiet fi bliet fejn jgħixu l-iżjed nies u turisti, primarjament jieqfu f’ San Pawl il-Bahar, f’Buġibba, Paceville, San Ġiljan, Ta’ Sliema, l-Imsida, il-Belt Valletta, l-Ajruport f’Ħal Luqa, l-Imrieħel, Qormi, Mosta u f’Għawdex fir-Rabat u fix-Xewkija.

Dan il-proġett kien ispirat u ibbażat fuq il-metro Ingliż f’Londra u għaldaqstant Xuereb spjega li l-karreġjati jtellgħu veloċità ta’ 145km fis-siegħa filwaqt li jżommu veloċità ta’ madwar 80km fis-siegħa tul il-vjaġġ. Dan ifisser li bil-pjanti li ħadmet fuqhom il-kumpanija tiegħu, vjaġġ mir-Rabat, Għawdex sal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jdum 32 minuta.

Tqajjmu wkoll dubji dwar iċ-ċifri msemmija minħabba li membri fl-udjenza qalu li ma tistax tqabbel lil Għawdex ma’ Londra. Membru preżenti fl-udjenza qal li ma jistax jifhem kif komunità ta’ 30,000 persuna li joqogħdu f’Għawdex tista’ xi darba tkun konnessa mal-bqija ta’ Malta permezz ta’ sistema ta’ metro.

Kemm iddum biex jinbena?

Il-linja ta’ Malta bejn Mellieħa u Birżebbuġa tista’ titlesta f’ħames snin minn meta jibda l-kostruzzjoni filwaqt li dik li tgħaqqad Malta ma’ Għawdex tista’ titlesta fit-tliet snin ta’ wara. Il-parti li tgħaqqad San Pawl il-Bahar ma’ l-ajruport tista titlesta f’sentejn ta’ wara.

Kemm se jiswa?

Dr Konrad Xuereb qal li li l-istima li ħarġet biha l-kumpanija tiegħu hija ta’ €1.85 biljun għall-parti li tgħaqqad il-Mellieħa mal-Ajruport filwaqt li l-estensjoni lejn Għawdex tista’ tiswa madwar €900 miljun. Il-parti bejn San Pawl il-Baħar u l-Ajruport tista’ tiswa madwar €750 miljun.

Kif se jiġi ffinanzjat?

Waqt l-ispjegazzjoni tal-proġett u kif jista’ jiġi ffinanzjat, Xuereb qal li bħalissa l-Gvern qed jinvesti €700 miljun għall-estensjoni tat-toroq f’Malta. Qal li bl-istess investiment li jsir kull sena jista’ jsir il-proġett ta’ metro. Spjega wkoll li l-parti li tgħaqqad Malta ma’ Għawdex tista’ tikkwalifika għall-fondi Ewropej. Il-bqija tal-baġit jista’ jiġi ffinanzjat minn bonds tal-Gvern.

Xi dħul se jkollu l-metro?

Dwar l-użu tal-mina, Xuereb qal li l-kumpanija tistma li sas-sena 2025, il-popolazzjoni se tkun telgħet għal 525,000. Qal li l-kumpanija tistma wkoll li 25% jibdew jużaw il-metru u għaldaqstant ikun hemm 130,000 passiġġier kuljum.

B’dawn l-istimi, il-kumpanija tgħid li l-metro f’Malta kapaċi jaqla’ mat-€300 miljun fis-sena li jinkludu l-biljetti tal-vjaġġi, id-dħul mir-riklamar fl-istazzjonijiet u fil-karreġjati u anki l-kiri ta’ ħwienet fl-istazzjonijiet.

Qal li din iċ-ċifra mhix il-prezz tad-dħul u semma’ uħud mill-ispejjeż li jkollha l-metro, primarjament dwar il-manutenzjoni tal-metro, il-ħlasijiet tal-ħaddiema u wkoll għall-enerġija biex titħaddem is-sistema.

Vantaġġi

Xuereb saħaq li l-vantaġġ primarju tal-metro huwa l-ħin għaliex għadd ta’ ħaddiema se jibdew jivvjaġġaw b’aktar effiċjenza u dan jista’ jiġi kwantifikat f’vantaġġ finanzjarju. Apparti l-ħaddiema, Xuereb qal li l-metro għandha vantaġġi għan-negozjanti kemm Maltin kif ukoll barranin għaliex issa dawn ikunu jistgħu jivvjaġġaw b’mod aktar faċli.

Skart

Xuereb fisser ukoll kif il-proġett se jkollu ammont ta’ skart li jiġi ġġenerat u dan huwa stmat li jitla’ għal 4 mega cubic meters ta’ skart. Qal li l-kumpanija qed tipproponi li l-iskart jintuża għal-land reclamation b’mod strateġiku għal riserva naturali jew solar u wind farms iżda eskluda li l-iżvilupp li jsir għandu jintuża għal skopijiet ta’ spekulazzjoni u bini.

Referendum jew le?

Mistoqsi dwar jekk jaqbilx li jsir referendum biex il-Gvern jisma’ liċ-ċittadini dwar dan il-proġett massiġġ, Xuereb qal li hu personalment huwa kontra referendum minħabba li qal li f’kampanja ta’ referendum id-dibattitu jista’ jingħata spin partikolari mingħajr ma jitħares l-interess nazzjonali.

X’qed isir biex l-idea tinbiegħ lill-Gvern?

Il-Perit Xuereb qal li l-ħidma tiegħu bdiet sena ilu meta beda jgħix aktar f’Malta u nduna li hawn problema tat-traffiku. Qal li beda billi ppubblika artiklu li fih ħareġ il-kunċett tal-kumpanija tiegħu u kompla jistudja dan il-kunċett biex l-idea tibqa’ teżisti u wasal biex ippubblika s-sistema sħiħa. Qal li din is-sena kien mistieden mill-Kamra tal-Kummerċ biex jippreżenta l-proġett lin-negozjanti Maltin. Ma semma l-ebda kuntatt li sar mal-awtoritajiet.

Fuq l-art jew taħt l-art?

Saħaq li minħabba s-sitwazzjoni tat-toroq f’Malta u l-bini li diġà hemm f’Malta dan il-proġett diffiċli ħafna li jsir fuq l-art. Qal li minn taħt l-art meta jibda t-tħaffir, l-istazzjonijiet tal-metro jistgħu jsiru faċilment bit-teknoloġiji li jeżistu.