F’Raħal Ġdid infetaħ uffiċċju ġdid immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) sabiex jgħin żgħażagħ vulnerabbli. Dan il-proġett bl-isem ta’ Opportunity Knocks (OK Project) se jiswa €941,176 minn fondi Ewropej.

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali qal li dawn l-uffiċini se jkunu qed joperaw permezz ta’ tim multi-dixxiplinarju bil-għan li jintlaħqu 500 żagħżugħ li għandhom bżonn servizzi integrati. Spjega li matul il-kampanja ta’ prevenzjoni li se ssir se jitqassmu elfejn pakkett ta’ tagħrif liż-żgħażagħ.

Żied li l-mira ewlenija hija li finalment ikun provdut ambjent san u sigur permezz ta’ djar residenzjali lil għaxar żgħażagħ u mill-inqas 50 żagħżugħ jiġu mħarrġa u mgħejuna biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li dan il-proġett hu eżempju ċar ta’ fejn l-FSWS tista’ toffri servizzi u għajnuna tanġibbli liż-żgħażagħ vulnerabbli u li jinsabu f’riskju li jiġu esklużi mis-soċjetà. Żied li din il-ħidma qed issir permezz ta’ pjan olistiku bil-fondi Ewropej.

Il-Kap Eżekkuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti qal li l-OK Project se jgħin ukoll f’taħriġ speċjalizzat lil dawn iż-żgħażagħ skont l-esiġenzi tagħhom anke fejn jidħlu abbiltajiet personali.