Protesti regolari fit-toroq tal-pajjiż

L-Isqfijiet Kattoliċi tal-Honduras f’sessjoni plenarja aktar kmieni dan ix-xahar, fil-messaġġ tagħhom lill-poplu tkellmu dwar il-problemi ewlenin li jolqtu lis-soċjetà fosthom, l-għoli tal-ħajja, il-kriminalità u l-vjolenza, il-qgħad u nuqqasijiet kbar fis-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni.

‘Iżda hemm problemi oħra li wkoll jistgħu joħolqu kunflitti daqs jew aktar serji minn dawk li għandna llum”. Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, l-Isqfijiet qalu dan b’riferenza għal liġijiet dwar is-saħħa u l-edukazzjoni li qed jikkunsidra l-Kungress Nazzjonali tal-Honduras. Dan barra l-kriżi fil-kumpanniji tal-Istat, fis-servizzi tal-enerġija, l-ilma u t-trasport.

Ineffiċjenzi tal-Gvern

“Jekk kull waħda minn dawn il-problemi twassal għal kunflitt bħal dak li qed jesperjenza l-pajjiż bħalissa minħabba l-ineffiċjenzi tal-Gvern,  il-konsegwenzi jistgħu jdaħħlu lill-pajjiż fi kriżi li jkun diffiċli ħafna li joħroġ minnha.”

F’ din is-sitwazzjoni l-Isqfijiet innotaw li “l-indinjazzjoni ta’ ħafna mill-popolazzjoni, it-tbatija tal-foqra, id-diżappunt taż-żgħażagħ, il-biża’ tal-emigranti, id-dwejjaq tal-morda, l-impunità dwar il-korruzzjoni, il-ġlieda ta’ dawk li jridu pajjiż aħjar iżda mhux jaraw riżultati, qed isiru aktar gravi u serji”.

Fil-messaġġ tagħhom l-Isqfijiet isostnu li huma jemmnu li “s-serjetà ta’ dawn il-kunflitti ġejja mill-mod żbaljat li qed imexxu l-awtoritajiet tal-Istat”.

Dwar ir-reazjoni tal-poplu għal din il-kriżi, l-Isqfijiet qalu li “id-dimostrazzjonijiet ta’ protesta għandhom ikunu paċifiċi. Ir-responsabbiltà tal-pulizija hi li jiggarantixxu l-ordni  u s-sigurtà tal-poplu kollu u ma tintużax forza sproporzjonata li tkompli tikkumplika s-sitwazzjoni”.

L-Isqfijiet qalu li huma nkwetati dwar il-futur tal-pajjiż u għamlu lista ta’ problemi kritiċi.

Stat mifni bil-korruzzjoni

“Il-Kostituzzjoni tinkiser kull meta jkun hemm bżonn, l-awtoritajiet m’humiex indipendenti, il-Kungress sar teatru ta’ atturi foloz u ta’ min jikkundannawhom u qed jagħti dahru lill-poplu. Hemm bżonn ta’ Awtorità Elettorali li tiggarantixxi trasparenza fil-votazzjoni u telimina l-frodi elettorali darba għal dejjem.

“L-istituzzjonijiet tal-Istat huma mifnija bil-korruzzjoni. L-ekonomija hi paralizzata partikolarment l-agrikultura bil-bejgħ bla mistħija tar-riżorsi naturali tal-pajjiż. Saret riforma taparsi fil-Kodiċi Penali li issa sar arma li tipproteġi l-korrotti u tikkastiga lill-emarġinati u liż-żgħażagħ u l-fqar li huma ddisprati”.

Fl-aħħar, id-Dokument tal-Isqfijiet jipproponi tibdila fil-pajjiż: “Aħna nkwetati ħafna bin-niżla li qabad il-pajjiż moralment u ekonomikament. Qatt m’hu tajjeb oli tagħmel il-ħażin biex tikseb it-tajjeb. Għalhekk hemm bżonn urġenti li jkunu rispettati l-liġijiet, l-etika fil-politika u jkun hemm djalogu veru li jispira fiduċja. Nappellaw lis-soċjetà kollha li nibdew biex inkunu konxji li l-bidla hi possibbli jekk nimpenjaw ruħna li naħdmu għaliha b’solidarjetà”.