Il-President ta’ waħda mill-fergħat taż-żgħażagħ fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, Team Start, qal li kieku l-Membri Parlamentari tal-PN kienu kollha wara l-Kap tal-partit Adrian Delia kien jinżamm it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew. Il-President Thomas De Martino qal li t-tim tiegħu jinsab unanimament wara Delia.

De Martino qal dan waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt dwar ir-rapport li t-tim tiegħu ħejja wara l-elezzjonijiet ta’ Mejju. Qal li r-rapport tfassal mill-eżekuttiv ta’ Team Start wara li ttieħdu l-punti mill-eżekuttiv sħiħ. Qal li hija gidba li r-rapport inkiteb minnu biss jew ġie iddettat minn xi ħadd ogħla fil-partit.

De Martino, li għandu 18-il sena u qed jistudja l-liġi fl-Università ta’ Malta, qal li r-rapport ma kienx dwar is-sitwazzjoni tal-partit iżda wieħed dwar x’jaħsbu dwar l-involviment tagħhom iż-żgħażagħ fi ħdan il-PN. Qal ukoll li nħass li jsir dan ir-rapport għax kien hemm xi affarijiet li mhux qed jintqalu fil-midja.

De Martino qal li fir-rapport li sar mill-MŻPN intqal li t-tmexxija qed teskludi liż-żgħażagħ. Qal li mill-esperjneza ta’ Team Start, it-tmexxija għamlet minn kollox biex tiġbed kemm jista’ jkun żgħażagħ lejn il-partit.

De Martino qal li għandu provi li juru dan u bħala eżempju semma programm li beda hu fuq ir-radju tal-PN u li saru diversi attivitajiet mit-Team Start. Qal li t-tmexxija tal-PN dejjem kienet tħeġġiġhom biex iġibu aktar żgħażagħ għall-attivitajiet tal-partit.

“Hija gidba li t-tmexxija warrbet liż-żgħażagħ,” qal De Martino li żied jgħid li l-MŻPN qal li t-tmexxija ma ħallithomx jaħdmu. Akkuża lill-MŻPN li qed jgħawweġ il-fatti u li ma tax perspettiva kompluta tas-sitwazzjoni.

Skont De Martino fl-MŻPN hemm nies “validi” però qal li hemm ukoll minnhom li ma jridux jaħdmu mat-tmexxija preżenti. Qali li dawn ma jridu jagħmlu xejn u li jridu liż-żgħażagħ jistaġnaw. Żied jgħid ukoll li jekk hemm 15-il ruħ fl-MŻPN, għaxra minnhom huma “nies validi”.

Fir-rapport tiegħu Team Start qal li jekk kien hemm xi ħaġa li żammet liż-żgħażagħ lura kienet l-apatija “ta’ wħud”. De Martino qal li hawn kienu qed jirreferu għal dawk fl-MŻPN li “ilhom sentejn ma jagħmlu xejn”.

De Martino allega li hemm xi nies fl-MŻPN li għandhom “aġenda personali” li jridu lil Delia jitlaq mill-kariga tiegħu. De Martino qal ukoll li “jaf fiċ-ċert” li t-tmexxija qatt ma waqqfet il-ħidma tal-MŻPN.

‘Iż-żgħażagħ ma jistennewx firda’ – President tal-MŻPN

F’risposta għall-dak li ntqal kontra l-MŻPN, il-President tal-MŻPN Joseph Grech qal ma’ Newsbook.com.mt li r-rapport sar wara laqgħa tal-eżekuttiv tagħhom fejn saret “diskussjoni libera”. Qal li l-laqgħa li saret ma’ Adrian Delia dwar ir-rapport kienet kordjali. Spjega li l-MŻPN żammet mal-pożizzjoni tagħha u li jistennew li jsiru “l-bidliet tant meħtiega biex il-PN jimxi ‘l quddiem.”

Ir-rapport tal-MŻPN: Qisu hemm min fit-tmexxija jrid jgħin lilu nnifsu mhux lill-partit – MŻPN

Grech qal li ma riedx jikkumenta fuq dak li qal De Martino.

“Ma nixtieqx nikkumenta għax nemmen li Alla ħares naslu fi stat li żewg fergħat tal-partit li jirrapreżentaw il-futur tal-partit jispiċċaw f’battibekk bejniethom. Iż-żgħażagħ l-inqas haġa li jistennew hi li xi ħadd jipprova jiżra l-firda bejniethom, nuqqas ta’ maturità, u li jkun hemm min ghax jaqbillu jitfgħalhom kliem f’ħalqhom,” qal Grech.

De Martino qal li r-rapport tat-Team Start jitkellem fuq is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ rigward il-partit u li ma riedux jagħmlu analiżi tas-sitwazzjoni politika tal-PN. Qal li t-tim tiegħu m’għandux l-għarfien espert biex jagħmel dan.

Il-kampanja tal-PN kienet tajba – De Martino

Mistoqsi dwar x’ideat tat-Team Start intlaqgħu mit-tmexxija, De Martino qal li saret attività fil-11 ta’ Mejju fejn iż-żgħażagħ kellhom diskussjoni mal-Kap tal-PN Adrian Delia.  Qal ukoll li ngħataw l-opportunità jindirizzaw il-Kunsill Ġenerali tal-PN.

Minkejja li qal li t-Team Start iffoka ħafna fuq il-kampanja elettorali, De Martino qal li t-tim tiegħu ma ħarigx bi proposti għall-istess kampanja minħabba nuqqas ta’ żmien. Qal li ħeġġew lill-mexxejja tal-partit tagħhom biex ikomplu jitkellmu fuq kwistjonijiet bħall-kirjiet u l-prezzijiet tal-proprjetà. Qal ukoll li ħadmu biex jikkonvinċu kemm jista’ jkun żgħażagħ “jimmilitaw” fil-PN u biex jivvutaw fil-25 ta’ Mejju.

Fil-fehma ta’ De Martino, il-kampanja elettorali kienet waħda “tajba” u “effettiva” minkejja r-riżorsi limitati tal-PN. Fl-elezzjoni tal-MEPs, il-PL ġab 42,000 vot aktar mill-PN. Skont De Martino, il-problema ma kinetx il-kampanja imma n-nuqqas ta’ għaqda fi ħdan il-PN. Qal ukoll li kieku l-MPs kollha kienu wara Delia id-distakk kien jonqos u t-tielet siġġu fil-PE kien jinżamm.

De Martino qal ukoll li mhux d-dominju ta’ żgħażagħ ta’ 18-il sena li jagħmlu analiżi politika dwar l-elezzjoni li saret.

De Martino qal ukoll li fis-7 ta’ Ġunju l-eżekuttiv ta’ Team Start ikkonferma l-fiduċja unanima tiegħu f’Adrian Delia.

Skont is-Sunday Times of Malta hemm 14-il MP li ddikjaraw li jridu lil Adrian Delia jitlaq u 2 li jriduh jibqa’. De Martino sostna li t-tim tiegħu għandu l-għarfien espert li jesprimi l-fiduċja tiegħu f’Delia. Qal li l-MPs ivvutaw skont kif iħossu huma u li m’għandux dritt jindaħal f’dan. Qal li sema’ b’dawn l-MPs mit-Times. Kompla jgħid li qatt ma sema’ lil xi deputat jgħid li jrid lil Delia jitlaq. Madanakollu qal li “evidentament” hemm MPs li ma jriduhx lil Delia.

“Ma nistgħux għax gazzetta tgħid xi ħaġa neħduha bħala vanġelu,” qal De Martino.

Skont ir-rapport tat-Team Start, matul l-aħħar 20 xahar l-involviment taż-żgħażagħ fil-PN kien prijorità u li ġew implimentati diversi miżuri. Fosthom issemmew li tniżżlet l-età tat-tesserament minn waħda ta’ 16-il sena għal dik ta’ 14-il sena u li ingħata spazju liż-żgħażagħ fl-eżekuttiv u l-amministrattiv tal-PN.

Fir-rapport, it-Team Start iddeskriva lilu nnifsu bħala fergħa ġdida fi ħdan il-PN li tkopri ż-żgħażagħ bejn l-14 u t-18-il sena. Qal li r-riżultat “diżappuntanti” tal-elezzjonijiet ta’ Mejju juri li fadal ħafna xi jsir.