Jum il-Missier jinsab magħna u ladarba iktar kmieni fakkarna Jum l-Omm, xieraq li f’din il-għodwa nfakkru Jum il-Missier, għaliex jekk l-Omm hija l-qalb tal-familja, il-missier jifforma l-arterji li jiġġeneraw id-demm li jżomm taħdem din il-qalb.

Hija mxerrda l-ideja li fit-trobbija tat-tfal fil-familja, l-omm hija iktar importanti mill-missier; dan forsi jaħsbuh l-istess irġiel.  Dan iżda mhu xejn minnu, għaliex il-missier għandu l-importanza kbira tiegħu, ħafna iżjed milli jaħsbu xi wħud. Ir-Rumani, biex insemmu eżempju wieħed, kellhom rispett kbir lejn il-missier u kienu jħarsu lejh f’dimensjoni mhux żgħira.  Fis-safar tagħkom naħseb ġie li dħaltu f’xi ċimiterju Ruman u fuq xi oqbra rajtu mperrċa bħal kolonna nofsha miksura.  Din kienet issir mir-Rumani meta kien imut missier fil-familja.  Fuq qabru kienu jqiegħdu kolonna mkissra b’turija mhux biss ta’  rispett, iżda wkoll biex ifissru li bil-mewt tal-missier, il-familja ma baqgħetx kolonna sħiħa, iżda nqasmet min-nofs u tilfet mis-saħħa.

L-importanza tal-omm kulħadd jaċċettaha għax tidher ħafna waqt li l-ħtieġa tal-missier ma tidhirx hekk malajr ħlief biex joħroġ għax-xogħol u jaqla’ l-ħobża ta’ kuljum.  Iżda l-preżenza tal-missier fil-familja hija indispensabbli biex it-tfal jiffurmaw karattru tajjeb. Lanqas l-aqwa omm tal-pajjiż  ma tasal biex tagħti waħidha lil uliedha dak kollu li jeħtieġu għall-iżvilupp tagħhom.  L-influss dirett tal-missier fuq l-ulied huwa ferm meħtieġ.  Kemm is-subien kif ukoll il-bniet jeħtieġu lil missier huma u qegħdin jikbru; is-subien ikollhom bżonn il-preżenza tiegħu għax fuqu, mingħajr ma jindunaw, ikunu qegħdin ifasslu lilhom infushom; il-bniet ukoll fil-missier ikunu qed jaraw ix-xbieha ta’ dak li għada pitgħada jrid ikun is-sieħeb tagħhom fil-ħajja miżżewġa.

Id-dixxiplina hija mportanti fil-familja u l-omm waħidha ma tasal imkien.  Il-qawl jgħid: ‘Is-sawt ħareġ mill-Genna u kull min iduqu jithenna!’  Dan ma jfissirx li l-missier irid ikun xi tirann biex kollox jimxi sewwa fil-familja.  Għal kuntrarju, dan ifisser li l-missier irid irieġi t-tmun biex iħarreġ lil uliedu fis-sens tar-responsabilta’ u tad-dmir; fi kliem ieħor irid il-ġid u mhux li tkun għaddiet tiegħu.  Dan jgħodd l-iktar meta l-ulied jibdew jitfarfru u jsiru ġuvintur u xebbiet. Hawnhekk il-ħtieġa tal-missier altru li ma tiqafx.  Ma jistax il-missier jerħi r-riedni f’idejn l-omm. Dan jgħodd ukoll għat-trobbija reliġjuża tal-ulied; inkella s-subien, b’mod speċjali, jistgħu jitilgħu bl-ideja li r-reliġjon hija xi ħaġa tan-nisa u għan-nisa biss u l-konsegwenzi jistgħu ma jkunu xejn sbieħ u mixtieqa. X’hemm ħażin li l-missier ifakkar lil uliedu fil-qrar u fil-quddies bħalma ta’ spiss kien jagħmel missieri, Alla jaħfirlu.

Ma nixtieqx nirrendi din il-kitba tiegħi f’din l-okkażjoni sabiħa biex noqgħod  nispjega kemm jiswa l-missier fil-familja, l-ewwelnett għax kull maħluq jaf tajjeb x’jiswa u x’sewa għalih missieru; u t-tieni nett għax ma nippretendix li jien xi espert f’dan il-qasam.  Illum irrid biss infakkar u nħeġġeġ lill-ulied kollha denji ta’ dan l-isem, biex f’dan il-Jum partikulari,  aktar minn kull jum iehor tas-sena, jagħtu ġieh lil missierhom, ħaj jew mejjet, żagħżugħ jew anzjan.

Ejjew għalhekk immela, f’dan il-jum, nuruh stima, rispett u mħabba lil missierna u nwiegħduh li nibqgħu nirrispettaw l-awtorita’ tiegħu; nuruh ir-rikonioxxenza għal dak kollu li għamel għalina matul il-medda tas-snin waqt li nġeddu l-lealta’ tagħna shiħa lejh.

Ħaġa sabiħa li f’okkażjoni bħal din nagħtuh rigal – drawwa u tradizzjoni li għandna nżommuha u nsaħħuha.  Iżda l-aqwa rigal li nistgħu nagħtu lil missierna, wara t-talb, huwa li nuruh bis-serjeta’ li huwa dejjem f’qalbna u f’moħħna  daqs qatt qabel.  Lil dawk mejtin, imbagħad, nitolbu għalihom f’dan il-Jum u noffrulhom il-quddiesa u t-Tqarbina.  F’Għawdex is-soltu l-Istitut tal-Familja l-Papa San Gwanni Pawlu t-tieni  jagħmel quddiesa  fil-Kappella taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija f’dan il-Jum għal misserijiet kollha, ħajjin u mejtin.

Nagħlaq din il-kitba billi nissellef xi ftit mill-kliem tal-ħabib tiegħi Laurence Mizzi u nagħmel talba ċkejkna.

“Mulej, nitolbok tieħu ħsieb il-misserijiet kollha; il-morda u l-ferħanin; il-foqra u l-għonja; dawk li qegħdin f’darhom u dawk li mhumiex jew m’għandhomx; il-misserijiet għal qalbek u dawk li ħaqqhom xi tbeżbiża.  Għinna lkoll biex nagħrfu d-dmirijiet tagħna u nwettquhom mingħajr biża’ u bl-imħabba.  Agħdirna fin-nuqqasijiet tagħna li mhumiex ftit u lanqas żgħar.  Ftakar Mulej li aħna wkoll nagħtu l-ordnijiet u mhux dejjem inkunu obduti; aħna ngħallmu u nwissu u mhux dejjem jagħtuna widen; aħna nagħtu l-eżempju u mhux dejjem jimxu fuqu…aħna nħobbu u mhux dejjem iroddulna l-imħabba……..

Jiena ċert Mulej, li inti tifhimna u tagħdirna.

Mintix int ukoll Mulej, Missier, li tamar u ma jobdukx; issejjaħ u ma jisimgħukx; tħobb u ma jħobbukx!

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex