Matul il-lejl li għadda seħħet serqa fil-Ħamrun. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Pulizija li spjega li l-każ seħħ għall-ħabta tas-1am fi Triq il-Kbira San Ġużepp.

Jidher li xi persuni faqgħu l-ħġieġa ta’ barra tal-ħanut u serqu xi flus kontanti. Il-kelliem spjega li l-ammont ta’ flus li serqu kien wieħed żgħir. Il-persuni ħarbu minn fuq il-post wara li raw xi nies jippassiġġaw fl-istess triq tal-ħanut.

Il-Pulizija qed jinvestigaw il-każ billi jħarsu lejn numru ta’ filmati tas-CCTV sabiex jippruvaw jaqbu lill-ħallelin.