Ivan Gaffiero sostna li fiż-żmien li kien għaddej minn separazzjoni u kellu jitlaq minn ma’ wliedu għadda minn żmien tqil fejn kien mimli biża’ u qtigħ il-qalb.

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, Gaffiero spjega kif propju f’dan il-jum ħafna jitfgħu ritratti fuq Facebook ma’ missierhom fejn jidhru kuntenti. Qal li f’dawn il-mumenti jiftakar f’dak li għadda minnu hu u jibda jgħid xi jħossu dawk li jinsabu f’mumenti diffiċli bħalma għadda minnhom hu.

Aqra: “Awguri lill-missirijiet kollha b’uniformi blu”

Spjega li fiż-żmien meta kien qed jissepara wliedu kellhom erba’ snin u 12-il sena. Tenna li kien iħossu mhux missier ideali u għaldaqstant jista’ jifhem il-qsim il-qalb ta’ dawk kollha li bħalu għaddejjin minn żmien diffiċli.

Minkejja dan, spjega li llum il-ġurnata wliedu kibru u jinsabu kuntenti. Bintu Tiziana llum għandha 24 sena u Martina għandha 15. Qal li propju ftit tal-jiem ilu ċċelebraw flimkien il-25 sena minn kemm ilu fil-qasam tal-ispettaklu u l-moda, filwaqt li jinsabu ħerqana sabiex nhar it-Tlieta jarawh jieħu l-ġurament bħala kunsillier ġdid fin-Naxxar.

Aqra: F’Jum il-Missier

Temm billi għamel il-kuraġġ lil kull missier li jinsab f’mumenti tqal filwaqt li qalilhom sabiex iħarsu ‘l quddiem u qatt ma jabbandunaw lil uliedhom.