Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista mistenni jiltaqa’ għada t-Tnejn fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà. It-Tlieta mbagħad mistenni jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari. Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia din il-ġimgħa beda jiltaqa’ mat-tesserati, bl-ewwel sessjoni tkun f’Għawdex, mat-tesserati Għawdxin.

X’hemm fuq l-aġenda tal-Eżekuttiv?

Skont l-aġenda li ra Newsbook.com.mt, minbarra li se jiddiskuti l-qagħda politika., l-Eżekuttiv tal-PN se jwaqqaf Kummissjoni Elettorali għall-karigi vakati fil-Kumitat Eżekuttiv u fil-Kunsill Amministrattiv.

Dawn il-karigi tbattlu bir-riżenji ta’ Mark Anthony Sammut u David Stellini rispettivament. Sammut, kien irreżenja mill-kariga tiegħu bħala President tal-Eżekuttiv fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Huwa spjega li ħa din id-deċiżjoni bħala sinjal li qed jerfa’ r-responsabbiltà għat-telfiet li ġarrab il-PN f’dawn l-elezzjonijiet. Minn naħa tiegħu, Stellini rriżenja minn Membru Parlamentari tal-PN u għaldaqstant anke minn President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN, biex jirritorna fix-xogħol li kellu fi Brussell qabel l-elezzjoni ġenerali.

Aqra: Sammut jirriżenja minn President tal-Eżekuttiv

X’se jiddiskuti l-Grupp Parlamentari?

Din il-ġimgħa, il-Grupp Parlamentari tlaqqa’ darbtejn, bit-tieni sessjoni ddum sas-2am. Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt dakinhar, il-maġġoranza tal-Membri Parlamentari esprimew li jkun aħjar għall-partit jekk Delia jirriżenja.

Aqra: Laqgħa taħraq tal-Grupp Parlamentari

It-Times of Malta, illum irrappurtat li Delia għandu sa nhar it-Tlieta biex jiddeċiedi dwar il-futur tiegħu fil-partit. Skont il-ONE, dan kellu jsir sal-lum f’12pm. Min-naħa l-oħra, skont The Malta Independent, il-Grupp Parlamentari nhar it-Tlieta mhux se jiddiskuti r-riżenja minn Delia, iżda li wħud mill-MPs qed jistennew “proposti konkreti”.

Illum, għall-kuntrarju ta’ kull nhar ta’ Ħadd, il-Partit Nazzjonalista ma ħareġ l-ebda sejħa għall-midja biex jiġi rrappurtat id-diskors ta’ Adrian Delia jew intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista.

Kif intlaqa’ mill-Għawdxin?

Il-laqgħa li saret nhar il-Ġimgħa li għadda f’Għawdex ġiet deskritta minn uħud preżenti bħala waħda mqanqla u li matulha bosta kienu dawk li tkellmu b’mod ċar, fost l-oħrajn meta talbu lil Delia biex ineħħi lil dawk ta’ madwaru. Tqajmu diversi punti oħra fosthom l-organizzazzjoni u l-midja tal-partit. Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li preżenti kien hemm bejn 70 u 80 persuna, fosthom id-deputati Parlamentari Għawdxin, sindki u Kunsilliera Nazzjonalisti.

Aqra: Delia għal Għawdex

Dr Adrian Delia kien wiegħed li se jiltaqa’ mal-Għawdxin il-ġimgħa l-oħra, bħala parti mis-sensiela ta’ laqgħat ma’ gruppi ta’ tesserati tal-PN sabiex jiddiskuti magħhom il-futur tal-partit. Dan wara l-kontroversja li qamet meta fl-ewwel laqgħa tal-Eżekuttiv, wara l-elezzjonijiet u wara r-riżenja ta’ David Stellini, intgħażel Jean Pierre Debono bi 42 vot kontra 40 ta’ Cutajar, biex jimla s-siġġu ta’ Stellini fil-Parlament. Hekk kif id-deċiżjoni ma tantx intlaqgħet tajjeb  b’mod partikolari mill-partitarji Għawdxin, il-Kumitat Reġjonali ta  Għawdex qal li l-elezzjoni kienet nulla minħabba numru ta’ irregolaritajiet, u talab lil PN jirrimedja s-sitwazzjoni.

Aqra: Kevin Cutajar jieħu l-ġurament bħala MP; “Emozzjonat”