“Ikkomunikaw mhux taħbu. Isimgħu u pproteġu lil min jiġi abbużat. Iddenunzjaw lil min jabbuża. Isimgħu u pproteġu lill-vittma u ixlu lil min jabbuża. Hekk qal l-Arċisqof Charles Scicluna nhar it-Tlieta, lill-kelliema tal-Konferenzi Episkopali f’27 pajjiż Ewropew li kienu qegħdin jiltaqgħu fil-Kurja tal-Arċisqof.

L-Arċisqof, li huwa wieħed mill-esperti ewlenin tal-Knisja Kattolika fejn tidħol il-ġlieda kontra l-abbuż, enfasizza li l-Papa jrid li l-Knisja tersaq ‘il bogħod mill-kultura tal-ħabi jew omertà u toqrob lejn kultura ta’ denunzja jew xili ta’ dak li huwa ħażin u abbużiv. Huwa enfasizza li għall-Knisja min ġie abbużat huwa importanti u għandu jingħata l-għajnuna kollha. L-Arċisqof qal ukoll li l-Papa jrid li l-qassisin u r-reliġjużi jirrappurtaw l-abbuż mhux jaħbuh.

Il-ħsibijiet tal-Arċisqof Scicluna kellhom eku fost il-53 kelliem tal-Isqfijiet Ewropej li ħadu sehem fil-laqgħa. Tul il-konferenza ta’ jumejn huma tkellmu dwar kif il-knisja f’diversi pajjiżi qed tiġġieled kontra l-abbuż sesswali tal-minorenni u tal-adulti vulnerabbli. Huma wkoll saħqu illi l-vittmi għandhom jingħataw il-prijorità fil-ħidma tal-Knisja.

“Kalvarju, … u Via Crucis”

L-Arċisqof qasam mad-delegati esperjenza li kellu fiċ-Ċilì meta ntbagħat hemmhekk mill-Papa Franġisku biex jinvestiga x’kienet eżattament is-sitwazzjoni f’dak il-pajjiż.

Aqra: Abbuż Ċilì: L-Arċisqof Scicluna jiltaqa’ ma’ 94 persuna

Scicluna qal  li wieħed mill-abbużati staqsieh b’uġigħ kbir f’leħnu: “Fejn kien Alla meta kont qed niġi abbużat?” L-Arċisoqof wieġbu: “Alla kien qed jiġi abbużat miegħek”.

Huwa tkellem dwar id-diversi esperjenzi li kellu meta ltaqa’ ma’ persuni li ġew abbużati. Qal li dawn ikunu laqgħat ibsin ħafna għax tħoss l-uġigħ tal-ferita profonda li min ikun ġie abbużat ikun għadu jġorr.

“Dawk li ġew abbużati jgħaddu minn Kalvarju”, qal l-Arċisqof. “Għalihom l-esperjenza tal-abbuż hija esperjenza tal-Via Crucis personali tagħhom”.

L-Arċisqof ta’ Malta huwa meqjus bħala wieħed mill-kollaboraturi ewlenin tal-Papa Franġisku li bagħtu fuq diversi missjonijiet f’dan il-qasam. Barra minn hekk Konferenzi Episkopali madwar id-dinja jistiednu lill-Arċisqof biex jindirizzahom.

Aqra: ‘Ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi’ – L-Arċisqof Scicluna

L-aħħar żjara Ii għamel l-Arċisqof kienet fil-Polonja fejn kellem lill-Isqfijiet tal-pajjiż. Huwa qal lil Newsbook.com.mt illi qabel mar ra l-film “Tgħid lil ħadd” li jirrakkonta l-istorja tal-abbuż sesswali fil-Polonja. Qalilna li kien ixxukkjat b’dak li ra.  Huwa ddeskriva l-laqgħat li kellu bħala “impenjattivi u pożittivi ħafna.”

Aqra: L-Arċisqof jintalab jindirizza lill-Isqfijiet Pollakki

“Organizzazzjoni perfetta”

Il-laqgħa għall-kelliema tal-Isqfijiet Ewropej saret fil-Kurja l-Furjana bejn it-Tnejn u l-Erbgħa. Diversi kelliema ddeskrievew l-organizzazzjoni tal-laqgħa bħala waħda perfetta. L-organizzazzjoni kienet f’idejn Kevin Papagiorcopulo, id-delegat tal-Arċisqof għall-Midja u l-kelliem tal-Arċidjoċesi. Huwa kien mgħejjun minn għadd ta’ impjegati tal-Kurja.