Il-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li l-Bank of Valletta tilef lill-ING Bank bħala bank korrispondent jaf iwassal għall-kollass ta’ setturi importanti. Il-Partit Demokratiku qal li se jaħdem biex itejjeb mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur finanzjarju fuq livell internazzjonali.

Il-bank Olandiż kien l-aħħar korrispondent tal-BOV li jagħmel it-tranżazzjonijiet għad-dollaru Amerikan, u tħabbar li dan mhux se jibqa’ korrispondent minn Diċembru li ġej.

Aqra: Il-BOV se jispiċċa mingħajr bank korrispondenti li joffrilu s-servizzi bid-Dollaru

Kemm il-PD, kif ukoll il-PN, qalu li Malta tidher li mhix tagħmel biżżejjed biex tiġġieled il-ħasil tal-flus, u minflok, miexja f’direzzjoni differenti, u hu għalhekk li l-BOV tilef l-aħħar bank korrispondent tiegħu. Il-PN fakkar li Malta ffaċċjat din il-kritika wkoll fir-rapport tal-Moneyval.

“Is-silenzju tal-Ministru għall-Finanzi jtarrax” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija ffirmata minn Kristy Debono u Mario De Marco li l-impatt ta’ din l-aħbar jaf ikun sinifikanti ħafna minħabba li dan jaf iwassal biex il-BOV isibha diffiċli biex jibni relazzjonijiet bankarji oħra ma’ banek korrispondenti barranin. Żiedu jgħidu li s-silenzju tal-Ministru għall-Finanzi fuq l-affari jtarrax. Temmew jgħidu li hu inutli li jkun hemm leġiżlazzjoni meta din il-leġiżlazzjoni ma titħarisx u ma tiġix implimentata.

“Din l-aħbar ta’ twissija għall-Prim Ministru” – PD

Fi stqarrija, il-PD qal li din l-aħbar għandha sservi ta’ twissija lill-Prim Ministru Joseph Muscat li ma ħax l-industrija finanzjarja u tal-gaming bis-serjetà. Żied jgħid li l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu mhuwiex logħba politika, imma għandu riskju serju li jhedded ix-xogħlijiet tan-nies involuti fis-settur. Ladarba l-BOV jitlef l-aħħar bank korrispondent tiegħu għad-dollaru, kull tranżazzjoni tal-BOV barra l-Unjoni Ewropea se ddum iżjed u tiswa iżjed. Il-PD appella lill-Gvern biex jiżgura li l-investigazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus fuq iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u l-Ministru Konrad Mizzi, jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex ikomplu għaddejjin.