Ġie inawgurat proġett infrastrutturali fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun li twettaq mill-Ministeru għall-Infrastruttura b’investiment ta’ €300,000.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg faħħar lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura li wettaq il-proġett ta’ riġenerazzjoni f’sitt xhur. Ix-xogħol kien jinvolvi t-tneħħija ta’ materjali antiki, tisħiħ tal-qiegħ, pavimentar ġdid, restawr u u għamara u tagħmir ġdid bħal dawl. Saret ukoll water feature ġdida biex tfakkar l-għajn li kienet tinsab fl-istess post fil-passat.

Is-Sindku taż-Żejtun Doris Abela qalet li dan il-proġett se jkun jista’ jitgawda mill-komunità taż-Żejtun u li jikkumplimenta d-dehra tal-knisja taż-Żejtun li qalet li hija magħrufa bħala l-Katidral tal-Lvant.