Il-Prim Ministru Joseph Muscat ta’ rendikont ta’ kemm-il darba żar Dubaj jew l-Emirati Għarab Magħquda mill-2013 s’issa u x’kienet ir-raġuni. Huwa qal li minn dik id-data sa’ din is-sena żar dan il-pajjiż erba’ darbiet.
L-ewwel darba kien f’Novembru tal-2015 fejn attenda l-konferenza dwar is-Residenza Globali u ċ-ċittadinanza. Ftit ġimgħat qabel, hu kien ħabbar li kien se jagħmel żjara fl-Alġerija u Dubaj biex iġib aktar xogħol f’Malta. Hu kien tkellem fiċ-Ċentru Laburista tal-Fgura fejn qal li hu kburi li jippromwovi lil Malta.

Aqra: Il-Prim Ministru se jżur l-Alġerija u d-Dubaj fil-ġimagħtejn li ġejjin

Hu għamel żjara oħra fi Frar tal-2016 għas-samit tal-Gvern Dinji u mar is-sena ta’ wara għas-Seminar dwar iċ-Ċittadinanza Globali. B’rabta mal-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment, il-Prim Ministru kellu laqgħa maċ-Ċermen Abdulla Al Habbai u l-Kap Eżekuttiv Edris Al Rafi.

Aqra: Dubaj Holding trid tkompli tinvesti f’Malta

Skont il-Prim Ministru l-aħħar żjara li għamel lejn dawn il-pajjiżi kienet aktar kmien din is-sena fejn flimkien mal-mara tiegħu Michelle marru Abu Dhabi biex iltaqgħu mal-kontinġent Malti, magħmul minn madwar 50 persuna, li kienu qed jieħdu sehem fl-Olimpjadi Speċjali.

Aqra: Il-Prim Ministru f’Abu Dhabi jawgura lill-atleti Maltin għall-Ispecial Olympics

Muscat kien qed iwieġeb għal mistoqsija parlamentari li saritlu mill-Membru Parlamentari Simon Busuttil.