F’dawn il-jiem, tfal (u mhux biss!) se jkunu ċertament qed jistennew bil-ħerqa r-ritorn ta’ Toy Story – ir-raba’ film – fis-swali taċ-ċinema madwar id-dinja, film li mistenni jħalli impatt finanzjarju mhux biss għall-postijiet fejn se jkun qed jintwera. Dan għaliex anke tal-ħwienet qed jistennew li jgawdu mis-suċċess mistenni ta’ dan il-film tant maħbub mit-tfal.

Dan għaliex meta disa’ snin ilu kien ħareġ Toy Story 3, il-bejgħ ta’ ġugarelli, ħwejjeġ, gadgets u logħob ieħor marbut mal-film ħalla dħul finanzjarju ikbar fil-ħwienet milli fil-box office. Il-figurina ta’ Buzz hija l-aktar ġugarell li qatt inbiegħ fl-istorja ta’ Disney Store.

Il-film, li ħareġ fl-ewwel ġurnata tas-sajf, hu mistenni li jixpruna l-industrija tal-ġugarelli li fl-aħħar xhur għaddiet minn perjodu relattivament diffiċli: fir-Renju Unit, is-sena li għaddiet, il-bejgħ naqas b’7%.

Skont riċerka interessanti li għamlet il-kumpanija NPD, madwar 12% tal-ġugarelli mibjugħa jkunu marbuta ma’ films. Il-bejjiegħa għandhom tamiet qawwijin b’dan il-film, għaliex mhux biss huwa attraenti għat-tfal iż-żgħar, iżda billi l-ewwel film kien ħareġ f’nofs is-snin disgħin, ifisser li l-film il-ġdid jista’ jqajjem interess fost bosta ġenerazzjonijiet.

Nofs biljun sterlina self mill-British Business Bank

Bank li warajh hemm il-Gvern Ingliż, li kien twaqqaf biex jgħin lill-intrapriżi ż-żgħar wara l-kriżi finanzjarja, sellef man-nofs biljun sterlina sa mill-2012. Skont tagħrif ippubblikat minn Start Up Loans, parti mill-British Business Bank, juri li parti sostanzjali minn dawn id-ditti huma bbażati f’Londra. Fil-fatt, minn madwar 70,000 kumpanija megħjuna, 14,000 minnhom jinsabu fil-kapitali – bejniethom dawn issellfu mal-118-il miljun sterlina.

Inqas minn 4,000 kumpanija huma bbażati fl-Iskozja, għal total ta’ 29 miljun. Dan il-Bank ingħata l-irwol li jappoġġja l-investiment fil-pajjiż, b’mod partikolari mill-intrapriżi żgħar u medji. Il-fatt li l-Bank għandu l-kopertura tal-Gvern Ingliż jippermetti lil dawn l-intrapriżi jingħataw ċerti garanziji, anke meta s-suq ma jkunx lest jagħmel dan.

Dan il-Bank jilħaq ukoll setturi tas-soċjetà li tradizzjonalment ibatu biex jassiguraw self bankjarju jew tipi oħra ta’ finanzjament. Fil-fatt, 38% ta’ dawk megħjuna kienu nisa filwaqt li 53% kienu bla impjieg meta applikaw.

Skont ic-Chairman tal-Bank, Lord Smith of Kelvin, turija tas-suċċess tal-operat tal-bank huwa l-fatt li aktar minn żewġ terzi tal-intrapriżi jew proġetti li ngħataw appoġġ finanzjarju, fil-fatt irnexxew u baqgħu għaddejjin.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.