Il-Partit Nazzonalisa bħalissa qed jilqa’ n-nominazzjonijiet għal tliet irwoli uffiċjali fi ħdan il-partit, dan wara numru ta’ riżenji li seħħew fil-ġimgħat li għaddew kawża tas-sitwazzjoni kunfliġġenti fil-partit.

F’riklam fuq il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali avżat li n-nominazzjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sa għada f’nofsinhar. It-tliet irwoli huma dawk tal-President tal-Kumitat Eżekuttiv, il-President tal-Kunsill Amministrattiv u t-Teżorier.

Iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali, Richard Muscat, qal li l-formoli tan-nomini jinkisbu mis-Segreterija tal-Partit waqt il-ħin tal-uffiċċju. In-nominazzjoni trid tkun iffirmata minn proponent u sekondant li jridu jkunu membri tal-eżekuttiv u tkun aċċettata minn min ikun qiegħed ikun propost.

X’ġara fl-aħħar ġimgħat?

L-ewwel riżenja kienet dik tal-irwol tal-President tal-Kunsill Amministrattiv li kienet f’idejn David Stellini. Filwaqt li rreżenja minn din il-kariga, Stellini rreżenja wkoll mill-irwol ta’ Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni wara li ma ġiex elett bħala Membru Parlamentari Ewropew. Hu għamel dan sabiex jerġa’ jmur jaħdem fi Brussell.

Aqra: David Stellini jirreżenja minn Membru Parlamentari

Lura fl-1 ta’ Ġunju, Mark Anthony Sammut irreżenja mill-kariga tiegħu bħala President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Sammut qal li ħa din id-deċiżjoni bħala sinjal li qed jerfa’ r-responsabbiltà għat-telfiet li ġarrab il-PN fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-kunsilli lokali, li hu sejħilhom “l-agħar riżultat politiku mill-gwerra ‘l hawn,” kif ukoll biex juri d-diżgust tiegħu lejn ir-reazzjoni tal-uffiċjali ewlenin tal-Partit Nazzjonalista għar-riżultat.

Aqra: “Nappella lil min għandu responsabbiltà akbar biex jagħmel bħali”; Sammut jirreżenja minn President tal-Eżekuttiv

Fit-3 ta’ Ġunju mbagħad irreżenja t-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista David Camilleri. Dan ħabbru permezz ta’ kitba fuq Facebook. Camilleri spjega ruħu filwaqt li sostna li xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li ġara meta ttieħed il-vot li bih Jean Pierre Debono ġab żewġ voti iktar minn Kevin Cutajar u għalhekk kien se jieħu post David Stellini. Aktar tard, dan il-post ittieħed minn Kevin Cutajar wara li Jean Pierre Debono ddeċieda li ma jieħux l-irwol hu.

Aqra: “Bniedem validissimu; tal-mistħija” – Sammut dwar ir-reżenja tat-Teżorier tal-PN