Immigranti żgħażagħ li jafu jitkellmu bil-Malti iżda ma jafux Ingliż qalu li jsibuha diffiċli meta jkollhom imorru l-isptar u ma jirnexxilhomx jiftehmu mat-tobba, peress li mhux kulħadd jitkellem bil-Malti. Dawn it-tfal joqogħdu fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Din l-informazzjoni ħarġet minn riċerka, imwettqa mill-Università ta’ Malta u kkummissjonata mill-Kummissarju għat-Tfal, dwar is-saħħa u l-benessri tat-tfal barranin f’Malta. F’din ir-riċerka ġiet evalwata l-lingwa bħala fruntiera li żżomm lit-tfal milli jintegraw, u ġie nnutat li huma kemm l-Ingliż, u anke l-Malti li jservu ta’ ostaklu. Ir-riċerka nġabret billi saru intervisti fil-forma ta’ focus groups ma’ studenti fl-iskejjel u anke tfal fiċ-ċentri miftuħa tal-immigranti.

“Ma jifhmunix u jwarrbuni”

It-tfal li joqogħdu f’dawn iċ-ċentri miftuħa jafu jitkellmu iżjed bil-Malti milli bl-Ingliż. Tfal li tkellmu mar-riċerkaturi qalu li l-lingwa Ingliża għamlitha diffiċli għalihom biex jikkomunikaw ma’ oħrajn fl-iskola u fl-isptar mingħajr l-għajnuna ta’ interpretu, peress li jkun hemm għadd kbir ta’ nies barranin li ma jifhmux bil-Malti.

“Bilfors irid jiġi xi ħadd magħna,” qalet tfajla ta’ 13-il sena, b’referenza għall-ħtieġa ta’ interpretu meta jmorru l-isptar. Żagħżugħ ta’ 16-il sena qal li peress li għandu z-zokkor, hu jkollu jmur l-isptar ta’ kull xahar imma “problema… biex nifhimhom.”

Il-ħaddiema barranin fl-isptar isegwu kors offrut mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università li bih jiksbu Ċertifikat ta’ Kompetenza fil-Malti Mediku, li jgħallimhom Malti konverżazzjonali li jinqdew bih f’kuntest mediku. L-isptar ikollu wkoll interpreti disponibbli f’ċirkustanzi bħal dawn.

Apparti mill-isptar, l-Ingliż kien ta’ ostaklu għal dawn it-tfal fl-iskejjel u fl-isport, u żagħżugħ ta’ 12-il sena spjega li “ma nistax nitkellem magħhom għax ma jifhmunix u jwarrbuni.” Huwa kien qed jirreferi għal studenti ta’ nazzjonalità barranija li joqogħdu f’Malta li jitkellmu bl-Ingliż iżda mhux bil-Malti. Ġuvni ieħor ta’ 18-il sena qal li fil-futbol iżjed jitkellmu bl-Ingliż milli bil-Malti, u għalhekk ma jifhem xejn.

“L-għalliema dejjem ikellmuna bil-Malti avolja ma nifhmux”

Minkejja dan, kien hemm immigranti żgħażagħ oħrajn li jafu jitkellmu bl-Ingliż imma bil-Malti ma jafux. Dawn spjegaw kemm isibuha diffiċli meta l-għalliema jibqgħu jitkellmu bil-Malti fil-klassi. Qalu li xi drabi l-għalliema jgħidulhom li se jitkellmu bl-Ingliż, imma mbagħad tiżolqilhom xi frażi bil-Malti, u huma jsibuha diffiċli biex isegwu.

Xi studenti qalu li jsibuha bi tqila jitgħallmu l-Malti għax iħossu li hemm qabża fit-tagħlim tiegħu: filli jitgħallmu l-alfabett, imbagħad jitgħallmu kelma ‘l hemm u ‘l hawn, u mbagħad f’daqqa waħda jkollhom jagħmlu eżerċizzju ta’ fehim it-test, li fih ikollhom silta sħiħa x’jaqraw u jwieġbu mistoqsijiet dwarha.

“Mhux biżżejjed li tkun taf l-Ingliż f’Malta” 

Tifla minnhom, ta’ 10 snin, qalet li jekk wieħed ikun jaf l-Ingliż, il-pass li jmiss hu li jitgħallem il-Malti. Kienu bosta t-tfal li qalu li ma jħossux li hu biżżejjed li wieħed ikun jaf l-Ingliż f’Malta, imma jħossu l-ħtieġa li jitgħallmu l-Malti wkoll.

Xi studenti kienu pożittivi, u qalu li l-ħbieb Maltin tagħhom qed jgħinuhom jitgħallmu l-lingwa. Minkejja dan, ikkummentaw li l-Maltin, b’mod ġenerali, ma jiħdux paċenzja bihom meta jintebħu li dawn ma jafux Malti.

Tista’ tara d-dokument bir-riċerka kollha hawn. 

“Hawn pajjiż ieħor fid-dinja fejn ma tistax tinqeda bil-lingwa tiegħek stess?” – Trevor Żahra

F’diskors relatat, il-kittieb Trevor Żahra lbieraħ ilmenta fuq Facebook li fl-isptar mhux talli ma tinqediex bil-Malti, imma lanqas bl-Ingliż, it-tieni lingwa tal-Maltin. Huwa kiteb li meta ċempel l-isptar, min wieġbu tant kellu aċċent ħażin tal-Ingliż li ma hu setax jifhmu. Qal li din hija għarukaża.

Irrefera wkoll għal Ċiniża li fi tmien xhur tgħallmet titkellem Malti perfett. Dr Jinjing Xu ġiet Malta apposta sabiex tistudja l-lingwa mad-Dipartiment tal-Malti tal-Università, sabiex eventwalment tmur tgħallimha f’pajjiżha.

Fil-kummenti fuq il-kitba ta’ Żahra, il-qiegħa kompliet tisħon b’bosta Maltin jikkummentaw dwar kif mhuwiex ġust li f’Malta wieħed ma jafx jistax jitkellem bil-Malti meta jmur f’xi ħanut minħabba l-għadd kbir ta’ barranin li jgħixu u jaħdmu f’Malta.

Żahra kkummenta wkoll dwar il-Malti mgħallem fl-iskejjel, u qal li huwa nkwetat ħafna dwar jekk il-Malti mitkellem huwiex jiġi mgħallem lit-tfal barranin, peress li jekk dan ma jkunx il-każ, “l-iskola tibda tiffunzjona bl-Ingliż biss.” Temm jgħid li hu żgur ma jiħux gost jgħix f’Malta bħal din fil-ġejjieni.