Nazzjonalisti Hindu jidhru qed jaħarqu figura tal-Kardinal Telesphore Toppo, Arċisqof ta’ Ranchi, fl-Indja (Credit: CNS.)

Organiżazzjoni ewlenija tad-Drittijiet Umani fl-Indja pprotesta bil-qawwa kollha wara li l-pulizija fil-belt ta’ Pune għamlu tfittxija fid-dar ta’ patri Ġiżwita li hu attivist kbir tad-drittijiet umani.

Il-pulizija għamlu rejd fid-dar ta’ Dun Stan Swamy u minn hemm ħadu computer u modem u ġiegħlu lill-qassis jagħtihom il-‘passwords’ kemm tal-posta elettroniku tiegħu kif ukoll tal-Facebok.

Dan l-inċident seħħ f’Ranchi, fl-istat ta’ Jharkhand. Is-saċerdot li għandu 83 sena kien akkużat mill-Gvern li kellu rabtiet mal-Maoisti li kienu responsabbli li nstigaw rewwixta f’Pune, qrib Mumbai, f’Diċembru tal-2017. F’Awissu tas-sena li għaddiet kien sar rejd ieħor fid-dar ta’ dan il-qassis.

Din id-darba, t-tfittxija fid-dar tiegħu bdiet fis-7.00 a.m. u damet sejra għal sagħtejn u nofs sħaħ. Il-Pulizija ħadu mid-dar xi materjal elettroniku u anke xi dokumenti biex jeżaminawhom u jiddeċiedu x’passi għandhom jieħdu.

Intimidazzjoni

“Ir-raġuni li taw il-pulizija biex jiġġustifikaw ir-rejd u l-ħtif ta’ dokumenti mid-dar tal-qassis, ma jagħmlux sens għax diġa’ kienu ġabru l-materjal elettroniku u d-dokumenti kollha li kellu f’rejd li għamlu sena ilu.  Għalhekk l-iskop kien biss wieħed biex jintimidaw u jbeżżgħu lil kulħadd – attivisti favur id-drittjiet umani, organiżazzjonijiet volontarji u ċittadini – milli b’xi mod jgħinu lil Fr. Stan Swamy u oħrajn”, intqal fi stqarrija mill-Peopl’s Union for Civil Liberties.

Swamy hu mexxej u attivisti favur id-drittijiet umani u rnexxielu jiddokumenta l-abbużi u l-attivitajiet illegali kommessi mill-awtoritajiet f’Jharkhand u dejjem ċaħad li kellu xi rabtiet ma’ gruppi Maoisti.

Il-qassis imexxi l-organiżazzjoni volontarja “Bagaicha”, li taħdem man-nies mit-trubijiet u għandu skola għat-tfal u istitut tekniku, li t-tnejn qegħdin fil-kumpless fejn jgħix, li fihom jistudjaw tfal membri tat-tribujiet li hemm fl-inħawi.

Mafja ta’ pulizija korrotta     

L-Unjon tal-Libertajiet Ċivili, akkużat il-mafja korrotta tal-pulizija u uffiċjali governattivi, lill-politiċi ħnieżer u interessi korporattivi li qed jikkonfoffaw biex jisirqu l-art mingħand il-bdiewa foqra Indjani u mit-tribujiet, partikolarment f’Jharkhand. L-organiżazzjoni qalet li t-theddid, intimidazzjoni u t-terroriżżar kontinwu ta’ Fr.Swamy, saru r-regola tal-pulizija fuq attivisti għad-drittijiet umani.

F’dawn l-aħħar xhur saru ħafna arresti ta’ attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem.

L-Unjoni talbet biex immedjatament jieqaf dan l-abbuż tal-liġijiet mill-pulizija li qed tagħmel minn kollox biex tonsob u taqbad aktar attivisti bil-persekuzzjonijiet kriminali mill-pulizija.

Il-grupp favur id-Drittijiet Umani akkuża lill-awtoritajiet li qed ibeżżgħu lin-nies billi jgħidulhom li l-Maosti qed jinxterdu mal-pajjiż u partikolarment fil-Lvant tal-Indja.

“Dawn l-arresti huma parti mill-pjan tal-Gvern biex joħnoq lil min ma jaqbilx miegħu u jintimida lil dawk li qed jiġġieldu għall-ġustizzja. Aħna nitolbu li dawn ir-rejds jieqfu immedjatament, jaqgħu l-akkużi foloz kontra attivisti tad-drittijiet madwar il-pajjiż u jinħelsu n-nies li hemm arrstati fuq akkużi simili għax dawn huma motivati politika u inġusti,”  tgħid stqarrija tal-Unjon tal-Libertajiet Ċivili.