Jonathan Zammit u Kylie Camilleri rebħu l-klassijiet rispettivi tagħhom ġewwa Sqaliija, filwaqt li Jake Agius spiċċa fit-tielet post mill-klassi kompettitiva.

Il-provi bdew fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġewwa Pista Del Sole f’Melilli fi Sqallija u komplew is-Sibt u l-Ħadd. Fil-Finali tal-Ħadd Jonathan Zammit tat-tim GLD Racing Team spiċċa l-ewwel fil-klassi 125 DVS, u Kylie Camilleri mat-tim Gatto Racing spiċċat l-ewwel fil-klassi 125 Junior Rok.

Jake Agius, ukoll mat-tim ta Gatto Racing, spiċċa t-tielet fil-klassi kompettitiva 125 KZN Shifter Karts. Waqt is-semi finali, minħabba żball, Agius kellu jibda fl-aħħar post iżda rnexxielu javvanza għar-raba’ waqt it-tellieqa. Fil-finali, Agius irnexxielu javvanza post ieħor u b’hekk iggarantixxa postu fuq il-podju ġewwa Melilli.

Mix-xena tal-off-road racing, it-tim Malti 111 Off-Road Racing magħmul mis-sewwieq Rudy Farrugia u n-navigatur Malcolm Paul Gauci ikkompetew kontra 21 kompetitur minn madwar id-dinja fl-Avveniment ta Ultra 4 Europe, King Of France 2019. Huma spiċċaw l-avveniment fid-disa’ post.

Waqt il-kwalifikazzjoni tal-Ġimgħa, t-tim kellu jabbanduna t-tellieqa ftit metri ‘l bogħod mil-linja tat-tmiem minħabba xi ħsarat. L-għada t-tim baqa’ fl-aħħar post minħabba li l-korsa kienet kemmxejn dejqa. Tul il-ġurnata sfortunatament kellhom inċident ieħor fejn il-buggy spiċċa inqeleb fuq is-saqaf. Iżda t-tim irnexxielu xorta jilħaq l-10 post. Biex umbad il-Ħadd, avvanzaw post ieħor u spiċċaw l-avveniment fid-disa’ post.

Farrugia u Gauci kienu megħjuna minn Maurice Farrugia, Mark Zahra, David Farrugia, Daniel Grupetta, Stefan Borg Grech, Lana Debono u Shaun Caruana. It-tim 111 Off-Road Racing huwa mistenni jikkompeti fil-Kampjonat kollu tal-Ultra 4 Europe u għalhekk it-tappa li jmiss hija l-King of Britain li se ssir fl-20 ta’ Lulju.